“Se nkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli biex inkomplu nagħmlu l-ħajja faċli għall-ħaddiema.” Hekk stqarr il-Prim Ministru, Robert Abela, f’messaġġ li għamel waqt konferenza organizzata mill-UĦM fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.
F’messaġġ irrekordjat, il-Prim Ministru qal li Jum il-Ħaddiem huwa okkażjoni biex nirriflettu dwar il-kisbiet li rridu nagħmlu f’pajjiżna u l-isfidi li rridu nibdlu f’opportunitajiet. Dr Abela osserva kif, f’mument bla precedent, il-Gvern ħa ħsieb li ebda ħaddiem ma’ jitlef xogħlu u b’mod dirett investa mal-biljun u nofs ewro. Innota kif, filwaqt li ħaddieħor ra dan l-investiment bħala dejn, il-Gvern iffoka biex ikollna l-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona tal-ewro. Il-Prim Ministru stqarr li issa rridu nħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu.
Qal, “Il-bażi b’saħħitha, illum għandna l-iktar rata ta’ impjiegi għolja fl-istorja ta’ pajjiżna. B’hekk nistgħu nkunu kburin li bid-deċiżjonijiet li ħadna deħlin għall-1 ta’ Mejju bis-serħan il-moħħ li proteġejna l-impjiegi. Bqajna naraw f’pajjiżna investiment qawwi f’setturi differenti, tant li l-investiment illum huwa għaxra fil-mija aqwa milli kien fl-2019, meta ma kellniex pandemija.”
Il-Prim Ministru spjega kif il-Gvern se jkompli joħloq iżjed opportunitajiet ta’ xogħol f’setturi differenti, fosthom dawk li joffru kundizzjonijiet aħjar. Semma kif, fost l-oħrajn, tnaqqas ukoll il-piż tat-taxxi filwaqt li ttejbu l-għotjiet li jingħataw lil dawk bi dħul baxx u medju, bħall-in-work benefit.
Il-Prim Ministru sostna li l-ħaddiem ma jistax jgħix biex jaħdem.
Qal, ““Irridu naraw, imbgħad, li l-ħaddiem iħossu qed jaħdem biex jgħix u mhux jgħix biex jaħdem. Għalhekk, tul l-aħħar snin, bħala Gvern rajna li nnaqqsu u mhux inżidu l-piż tat-taxxi. Tajna lura l-festi lill-ħaddiema li jiġu fi tmiem il-ġimgħa. Fil-fatt, kieku ma ħadniex dik id-deċiżjoni, Jum il-Ħaddiem ta’ din is-sena kienet tkun ġurnata ta’ liv mitlufa għall-ħaddiema Għawdxin u Maltin.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar sfidi li l-ħaddiem Malti qed jaffaċċja flimkien mal-ħaddiema l-oħra kollha madwar id-dinja. Fost dawn hemm l-għoli tal-ħajja u l-Prim Ministru stqarr li dwar din l-isfida l-Gvern mhux se jkun qed jgħalaq għajnejh quddiemha.
Spjega, “Ir-realtajiet interazzjonali qatt ma ġibniehom bħala skuża biex nixħtu l-piż fuq il-ħaddiem. Għalhekk, f’pajjiżna bqajna bl-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Minflok insibu l-iskużi, li jkunu faċli għalina iżda diffiċli għall-ħaddiema, naħdmu kemm nifilħu ta’ kuljum u nfittxu soluzzjonijiet biex, fejn nistgħu u kemm nistgħu, nilqgħu għad-daqqiet li jkunu ġejjin minn barra.”
Il-Prim Ministru nnota kif, anke fis-settur tal-enerġija f’pajjiżna, iż-żidiet fil-prezzijiet inħassu inqas minn f’pajjiżi oħra. Filwaqt li ta kelmtu li l-Gvern se jkompli jieħu kwalunkwe deċiżjoni li twassal biex ir-rota ekonomika ta’ pajjiżna tibqa’ ddur, fakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu mar quddiem il-Maltin u l-Għawdxin b’sett ta’ proposti għall-ġid li se jwasslu, fost l-oħrajn, għal bilanċ ikbar bejn il-ħajja u x-xogħol. Fakkar ukoll f’kif il-Gvern se jkompli jaħdem favur l-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali għax-xogħol, li se tara investiment qawwi fil-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jawgura Jum il-ħaddiem it-tajjeb lil ħaddiema kollha, jaħdmu fejn jaħdmu u ġejjin minn fejn ġejjin.