F’laqgħa bejn il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia u r-rappreżentanti tal-Għaqda tal-Pensjonanti tal-General Workers’ Union, ġew diskussi l-ilmenti u s-suġġerimenti tal-mijiet ta’ membri tal-għaqda, fosthom il-kwistjoni tas-solitudni fost l-anzjani li jgħixu waħedhom u l-bżonn li ċerti servizzi jitjiebu u jingħataw id-dimensjoni għall-bżonnijiet tal-lum.
Il-Ministru Michael Farrugia semma l-inizjattivi li se jkunu qed jittieħdu fosthom uħud ġodda u innovattivi biex inkomplu nagħmlu l-ħajja tal-anzjani fil-komunità aktar sigura u li toffri wens.
Suġġett ieħor diskuss kien il-kwistjoni tad-dimensja. Il-Ministru Michael Farrugia spjega li fl-aħħar ġimgħat sar xogħol biex jaraw kif jitħaddmu s-servizzi għall-anzjani bil-ħsieb li jitjiebu u li jiġu eliminati ċerti problemi li jtawlu l-proċess, xogħol immirat biex ikomplu jibnu fuq dak li hu tajjeb u jeliminaw ċerti proċessi li jistgħu jtellfu dan it-titjib.
Fi tmiem il-laqgħa, l-Għaqda tal-Pensjonanti tal-General Workers’ Union wegħdet lill-Ministru Michael Farrugia li se tkompli żżomm kuntatt sabiex jibqgħu jinstemgħu u jiġu diskussi t-talbiet tal-membri tal-għaqda.