Il-Pulizija se tressaq żewġ uffiċjali korrettivi b’ċitazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati dwar reati ta’ natura involontarja.
Dan b’rabta mal-inkjesta Maġisterjali li nfetħet fil-każ ta’ attentat suwiċidju li seħħ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-sittax ta’ Ġunju li għadda.
Jirriżulta li l-Maġistrat inkwerenti sabet nuqqasijiet fil-konfront taż-żewġ uffiċjali korrettivi.
Dawn iż-żewġ ħaddiema kienu sospiżi b’mod immedjat u huma wkoll soġġetti għal proċeduri quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Fi stqarrija tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, ingħad li l-Ministru Byron Camilleri talab lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex ikollu kopja tal-proċess verbal in kwistjoni.
Il-Ministeru fakkar li kien diġà ħatar bord biex jevalwa u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar l-operat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.