Id-diskussjonijiet dwar l-obbligu tal-polza ta’ assigurazzjoni fuq proġetti ta’ kostruzzjoni bejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Malta Insurance Association, jinsabu fi stadju avvanzat.
Dan ħareġ mill-konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, fit 3 ta’ Diċembru fiż-żona industrijali ta’ Kordin.
Fil-fatt, dan id-dettall ħareġ mix-xhieda ta’ Adrian Galea, li huwa d-Direttur Ġenerali tal-Malta Insurance Association.
Hekk kif kull kuntrattur liċenzjat se jkun obbligat jagħmel polza ta’ assigurazzjoni għal kull proġett li jkun qed jaħdem fuqu, Galea sostna li d-diskussjonijiet mal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni jinsabu fi stat avvanzat dwar din il-materja.
Madankollu l-istess Galea rrimarka d-diffikultà ta’ dan hekk kif kull proġett ivarja u allura l-assigurazzjoni trid tkun tirrifletti dan. Huwa tenna wkoll ir-riskju tas-settur għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni.
Qabel ma temm ix-xhieda tiegħu Galea tenna li l-fatt li l-kuntratturi jiġu klassifikati, jiffaċilità x-xogħol għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni sabiex jikkwantifikaw ir-riskju.
Intant, l-ewwel xhieda f’din is-seduta kien il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Mark Gauci li ppreżenta numru ta’ dokumenti li ġie mitlub jippreżenta mill-Bord tal-inkjesta, fosthom statistiċi mill-NSO.
Fost affarijiet oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA ġie mistoqsi dwar kif jiġu rappurtati inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Huwa spjega li s-sistema li tintuża hija bħal dik li tintuża barra minn xtutna u li hija bbażata fuq claims madankollu sostna li Malta tant hija żgħira li hija prattikament huwa impossibbli li l-OHSA ma tkunx taf b’inċidenti serji.
Gauci sostna wkoll l il-uffċjali tal-OHSA ma spezzjonawx is-sit f’Kordin fejn fih seħħ l-inċident. Mistoqsi għaliex, Gauci spjega li l-OHSA mhux obbligata tagħmel spezzjonijiet meta ma jkunx hemm xogħol għaddej fuq is-sit. Fil-fatt, Gauci sostna li anke kieku l-uffiċjali waqfu jispezzjonaw is-sit, ma setgħux ikunu jafu jekk ix-xogħol hux qed isir sew.
Gauci kien mistoqsi għaliex is-sena li għaddiet naqsu n-numru ta’ spezzjonijiet mill-OHSA meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Gauci spjega li tul il-pandemija, l-uffiċjali tal-OHSA kellhom iktar ħin sabiex jispezzjonaw is-siti.
F’din ir-raba seduta fl-inkjesta pubblika xehdet ukoll Abigail Agius Mamo, li hija l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji.
Fost oħrajn fix-xhieda tagħha Agius Mamo spjegat kif il-Kamra tal-Kummerċ ipparteċipat fil-perjodu ta’ konsultazzjoni b’rabta mal-obbligu tal-liċenzjar tal-kuntratturi. Fil-fatt, tenniet li dan sar anke wara li l-kamra semgħet l-opinjonijiet minn membri kuntratturi fi ħdanha.
Agius Mamo sostniet ukoll li meta jkun jsir xogħol ħażin u ta’ livell baxx, dawk li joperaw tajjeb ibgħatu askapitu ta’ dawk li jagħmlu xogħol ħażin.
Rigward l-obbligu tal-polza ta’ assigurazzjoni, Agius Mamo sostniet l-importanza tad-disponibbiltà ta’ dawn il-poloz għal settur riskjuż.
Spjegat ukoll li diversi mudelli kienu diskussi internament.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji rrimarkat ukoll li l-kuntratturi membri mhumiex kuntenti b’cowboys li jaħdmu fis-settur u ma taw l-ebda indikazzjoni li huma kontra sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ kuntratturi.
Dwar ħaddiema minn pajjiżi terzi fis-settur Agius Mamo spjegat li kuntratturi jaffaċċjaw problemi b’persuni li jkollhom dokumenti foloz. Irrimarkat ukoll li l-Kamra hija favur skills card mandatorja għall-ħaddiema fi ħdan is-settur tal-kostruzzjoni.
Mill-ġdid xehed ukoll Jesmond Muscat li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Filwaqt li ppreżenta diversi dokumenti fosthom minuti ta’ laqgħat li ddiskutew l-inċident ta’ Jean Paul Sofia u informazzjoni dwar kuntratturi li kissru l-liġijiet tal-BCA u li ngħataw multi, Muscat spjega li l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini se jkun amalgamat mal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.