L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppubblika l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’dokument ta’ 437 paġna, l-inkjesta kkonkludiet li l-istat għandu jerfa’ responsabilità.
Min-naħa l-oħra, it-tliet Imħallfin, Dr Michael Mallia, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u Dr Abigail Lofaro saħqu li ma rriżultat l-ebda prova li l-istat bħala tali kellu rwol fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
L-inkjesta qalet ukoll li kien hemm element kontributorju fil-ħolqien t’ambjent li ffavorixxa l-omiċidju minn entitajiet tal-istat.
Dan anki jekk l-inkjesta tgħid ċar u tond li ma jistax jingħad li l-istat ippjana jew iffavorixxa li jsir l-assassinju.
L-inkjesta pubblika għamlet sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet favur aktar riformi leġislattivi għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt filwaqt li rrikonoxxiet li fl-aħħar xhur saru numru ta’ riformi għat-tisħiħ tal-istitituzzjonijiet.
It-tliet Imħallfin irrakkomandaw riformi fil-Kostituzzjoni dwar anki l-ġurnaliżmu.
L-inkjesta nnutat ukoll il-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia u filwaqt li semmiet ix-xogħol investigattiv tagħha semmiet ukoll dak li dehrilha li kienu kitbiet kattivi u krudili u li setgħu weġġgħu ħafna nies.
Il-Bord innota wkoll kif l-ewwel attakk fuq Daphne Caruana Galizia seħħ fl-1995 fuq darha u seħħ ieħor fl-2006 wara li kienet kritikat lil Norman Lowell.
L-inkjesta qalet li ħadd ma tressaq fuq dan il-każ.
Intant b’rabta mal-pubblikazzjoni tal-inkjesta pubblika, il-Prim Ministru Robert Abela qal li r-rapport tal-inkjesta jixraqlu li jkollu analiżi matura li tintrefa’ ’l fuq mill-partiġjaniżmu politiku.
Dr Abela qal li r-riformi jridu jkomplu jsiru b’aktar determinazzjoni.