Min ħa vantaġġ politiku fuq affarijiet li ma kinux veritieri f’“aġir bla ġieħ”, għandu jerfa’ r-responsabilità politika.
Dan intqal mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, waqt konferenza tal-aħbarijiet, b’rabta mal-inkjesta dwar il-mewt ta’ Stephen Mangion, li ġiet ippubblikata t-Tlieta.
“Din l-attitudni, dan l-aġir bla ġieħ, irrimarka fuqu l-Maġistrat inkwirenti nnifsu, kellu kliem iebes għal dan it-tip ta’ aġir. Kulħadd jaf xi ntqal fuq is-social media u mhux fuq is-social media biss: “omiċidju involontarju”, “toqtlona ma jimpurtakomx”, “qegħdin negħrqu”, “you have taken everything from us, our livelyhoods, our youths future, our peace of mind, our health, total disaster in Mater Dei entire system.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru Abela qal li l-proċess verbal ġie ppubblikat minħabba li dan ma kienx każ tas-soltu u ħoloq allarm b’allegazzjonijiet li ma kinux veritieri fuq il-midja soċjali, inkluż minn membri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Waqt li nnota kif ir-rapport tal-inkjesta jgħid li l-ħaddiema tas-saħħa għamlu minn kollox biex isalvaw il-ħajja ta’ Mangion, semma numru ta’ kummenti li ntqalu fuq il-midja soċjali minn persuni, li użaw mewta naturali biex jipprovaw ikissru il-moral tal-ħaddiem.
Hawnhekk hu sejjaħ li dan intqal minn persuni irresponsabbli, hekk kif ġew imżebilħin u mgħajrin ħaddiema f’dan is-settur tant kruċjali għal kull pajjiż.
Ingħad li, b’rabta ma’ dan il-każ, qabel tlestiet din l-inkjesta, kien hemm min attakka sistema fejn il-ħaddiema jagħmlu l-almu tagħhom biex iwasslu servizz ta’ kwalità.
“Il-persuni hemm barra li għandhom responsabbilità għandhom ikunu iktar viġilanti, li ma jgħaddux miżinformazzjoni, ħa nerġa’ nikkwota l-Maġistrat inkwirenti, dawn kienu fake news. Issa, min żbiljanċa ruħu, min ma stenniex li jkun hemm konklużjoni almenu tal-inkjesta Maġisterjali, irid jerfaħa r-responsabbilità tal-ħsara li għamel lis-servizz. Minn dan l-aġir ħsara biss ħarġet, nassigurakom.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Waqt li nnota li għad hemm affarijiet xi jsiru, il-Ministru Abela ħabbar li, mit-Tlieta stess, 40 infermier ġdid, li għadhom kemm iggradwaw f’pajjiżna, bdew jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Waqt li wassal il-kondoljanzi lill-qraba ta’ Stephen Mangion, il-Ministru Abela fakkar li, minbarra l-inkjesta maġisterjali, għad hemm ukoll oħra indipendenti dwar l-istess każ li għaddejja.
AQRA AKTAR: