Raġel li kien aggressiv ma’ tabib u li eventwalment ġie kkontrollat mill-Pulizija, miet ftit wara li ntilef minn sensih.
Il-każ seħħ il-Ġimgħa filgħaxija għall-ħabta tas-7:00 ta’ filgħaxija f’residenza privata fi Triq Alessio Erardi f’Ħaż-Żabbar.
Il-Pulizija daħlilha rapport li kien hemm raġel iwaddab l-affarijiet lejn in-nies minn fuq il-bejt, u li meta mitlub mill-Pulizija tad-Distrett, niżel minn fuq il-bejt.
Il-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit reġgħu ssejħu ftit tal-ħin wara, meta l-istess raġel kien aggressiv fil-konfront ta’ tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid li mar fuq talba tal-familja.
Fi stqarrija, il-Pulizija li r-raġel issakkar f’kamra fuq il-bejt fejn x’aktarx kien armat, u ma riedx joħroġ.
Wara diversi sigħat, il-Pulizija rnexxielhom jikkonvinċuh jinżel u reġa’ beda jkun aggressiv fil-konfront tat-tabib sakemm telaq jiġri fis-sular ta’ fuq u ġera lejn it-tieqa.
Hawnhekk il-Pulizija kienu kostretti jżommuh bl-użu ta’ stun gun, u t-tabib injettah biex iżommu kalm.
Ir-raġel ingħata wkoll l-assistenza medika minn tim f’ambulanza li kien qed jistenna fuq barra peress li ntilef minn sensih.
Għall-ħabta tal-ħdax ta’ bil-lejl, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, skortata mill-Pulizija.
Ftit tal-ħin wara, il-Pulizija ġiet infurmata li r-raġel tilef ħajtu.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali. Se ssir ukoll awtopsja, u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.