Anzjan ta’ 83 sena tilef ħajtu dalgħodu wara li waqa’ tliet sulari f’Wied il-Għajn.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu f’residenza tal-anzjani fi Triq Nigel Dennis. Immedjatament fuq il-post intbagħatet ambulanza b’tim mediku mill-Isptar Mater Dei mmexxi mit-tabib Dr Jonathan Joslin madankollu r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Dwar dan il-każ se tkun inkjesta Maġisterjali li tiddetermina ċ-ċirkostanzi wara l-mewt tal-anzjan.
Fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva qal li r-residenza tal-anzjani St. Thomas Community Living hija waħda privata li l-Gvern għandu mixtrija fiha 67 sodda għall-anzjani.
Is-Segretarjat qal li apparti l-inkjesta, l-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali bdiet investigazzjoni sabiex tidħol f’iktar dettall biex tistħarreġ ukoll dan il-każ.