Il-gazzetta t-TORĊA rrapportat dwar kif il-Qorti Kriminali għamlet osservazzjonijiet b’saħħithom ħafna dwar x’inhu l-irwol ta’ inkjesta maġisterjali.
Filwaqt li saħqet kif primarjament dan hu proċess ta’ ġbir ta’ provi, insistiet li inkjesta maġisterjali m’għandha qatt tispiċċa “fishing expedition”.
It-talba għal inkjesta privata saret mill-familja ta’ konsulent mediku li miet is-sajf li għadda u li ppretendiet li ssir inkjesta maġisterjali dwar din il-mewt.
Il-Magistrat inkwirenti rrifjuta li jibda l-inkjesta u f’appell li sar quddiemha, il-Qorti Kriminali rrifjutat ukoll din it-talba.
Biex waslet għall-konklużjoni tagħha, tefgħet dawl dwar l-irwol tal-inkjesti maġisterjali mitluba miċ-ċittadin privat.
Fis-sentenza tal-Qorti Kriminali marbuta mat-talba miċħuda, irriżulta li dwar l-irwol ta’ inkjesta maġisterjali tkellem fit-tul l-eks Ministru Tonio Borg meta bħala Ministru mbotta din il-bidla li ċittadin seta’ jmur għand il-Maġistrat.
Fost oħrajn dakinhar Borg kien insista li ma setax ikun hemm persuna suspettata li ma tingħatax id-dritt li tagħmel risposta.
Borg kien iddikjara li “Il-Maġistrat għandu jordna li r-rapport, id-denunzja jew il-kwerela, skont ma jkun il-każ, jiġi notifikat lill-persuna suspettata u jagħtiha żmien għal risposta”.
It-TORĊA tirrapporta li din hi dikjarazzjoni li titfa’ dubji dwar il-proċess li qed ikun hemm fl-inkjesta tal-Vitals li ntalbet minn Repubblika.
Minkejja li saret anke tfittixija fid-dar ta’ eks Prim Ministru, minn dak magħruf pubblikament l-inkjesta qed tieħu stil differenti ħafna minn dak maħsub mil-leġiżlatur jew saħansitra mil-liġi.
Fil-każ Megally, il-Qorti nnotat kif l-eks Ministru Borg kien tkellem dwar kif kellu jkun hemm sistemi li ma jagħtux lok għal abbuż.
L-Imħallef tal-Qorti Kriminali rreferiet għal sentenzi oħra tal-Qrati li ngħataw qabel u li jitfgħu dawl dwar x’għandu jkun l-irwol tal-inkjesta maġisterjali.
L-interpretazzjoni tal-Qorti, u mhux biss f’din is-sentenza, ivarja bil-kbir minn dik li qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni l-uffiċjali ta’ Repubblika.
Fil-fatt, f’sentenza oħra tal-Qrati, il-Kummissarju tal-Pulizija George Grech vs Id-Direttur Ġenerali et, ingħad li “Bażikament l-inkjesta tal-Maġistrat hi intiża għall-preservazzjoni tal-provi”.
Iktar minn hekk intqal “L-inkjesta Maġisterjali b’ebda mod ma tista’ tkun kunsidrata bħala “a trial” iżda kostatazzjoni ta’ fatti”.
Filwaqt li l-Imħallef Scerri Herrera għamlet osservazzjonijiet oħra, fosthom kif il-liġi hi ċara daqs il-kristall li l-persuna li tagħmel ir-rapport tagħha trid fost rekwiżiti oħra tindika min hi l-persuna suspettata u kien hawn li ddikjarat li m’għandhiex issir allegazzjoni jew li l-Qorti tinbidel f’dik li hi fishing expedition.