Il-Ħamis il-Maġistrat Doreen Clarke bdiet tisma’ l-ewwel xhieda fuq l-allegazzjonijiet li qed isiru mid-deputat Nazzjonalista David Thake, li s-suspttat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech offra eluf ta’ ewro lill-Partit ta’ Delia biex David Casa ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena l-oħra.
Apparti l-investigazzjonijiet mit-taqsima għar-reati ekonomiċi, inħatret inkjesta maġisterjali li qed tisma’ l-ewwel xhieda.
Minkejja li Adrian Delia qed jiċħad, David Thake, il-Middleman Melvin Theuma u Keith Schembri ilkoll qed jagħmlu l-istess allegazzjoni dwar li l-Partit Nazzjonalista ġie offrut flus biex jimmina l-kampanja elettorali ta’ Casa.
David Thake kien fost dawk imsejħa sabiex jixhdu fl-inkjesta. Thake ilu minn Ġunju tas-sena li għaddiet jallega li n-negozjant Fenech offra l-flus lill-Partit Nazzjonalista.
“Kemm kien l-ammont li offra Yorgen Fenech lil PN biex Casa ma jiġix elett? Infurmat li offra 50,000 ewro.”
“Is-sors li għandi jien jikkonfermah, taf li dan huwa corrupt practice?”
Nhar it-Tnejn li għadda, Keith Schembri xehed li Yorgen Fenech kien qallu li persuna fil-politika kienet tmur tiekol għandu, tixrob, toħroġ kważi fis-sakra u titolbu l-flus. “Din il-persuna kienet Adrian Delia”, qal Schembri meta ġie mistoqsi mill-avukat u deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi biex isemmi ismijiet.
Schembri qal ukoll li fl-aħħar tax-xahar Pierre Portelli kien imur għand Yorgen Fenech u jitolbu l-flus.
Qal li Portelli kien ġieli stenna xi siegħa biex jieħu mal-għoxrin elf ewro fi flus.
Żied jgħid li Pierre Portelli anki deher barra Portomaso fejn kien għaddej festin qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Adrian Delia qed ikun skomdu jikkumenta dwar il-laqgħa tiegħu ma’ Yorgen Fenech, f’ikla li għaliha talab lil dak li llum huwa s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia, jekk jistax imur bix-shorts.
Ġurnalista:“Dr. Delia meta ltqajt ma’ Yorgen Fenech, tista’ ttini d-data?”
Delia: “Le ma nistax intik id-data.”
Delia:“Ma kinitx importanti għax kienet waħda minn sensiela.”
Intant fuq ix-xandir nazzjonali Adrian Delia baqa’ jirrifjuta dak li talab id-deputat tiegħu stess, David Thake, li esiġa li għandha ssir inkjesta interna fil-Partit Nazzjonalista fuq l-allegazzjonijiet ġodda li għandu fuq rasu l-Kap.