Matul il-jum tat-Tlieta bdew jixhdu s-66 immigrant li ġew salvati mis-suldati tal-forzi armati ta’ Malta quddiem l-inkjesta maġisterjali.
L-immigranti bdew jixhdu wieħed wieħed fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi, quddiem l-espert tal-Qorti Lennox Vella u uffiċjali tal-korp tal-pulizija.
Intant, għall-ħabta tal-10:30 ta’ filgħodu deher ħiereġ mill-qorti l-eks chief of staff tal-eks Ministru Austin Gatt, Manuel Delia u l-eks segretarju ġenerali Nazzjonalista Pawlu Borg Olivier.
Nifhmu li Manuel Delia kien il-Qorti għax kien imissu jixhed fl-inkjesta jew jippreżenta dokumenti tal-allegazzjonijiet li għamel fuq il-blogg tiegħu quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, li deher dieħel il-qorti filgħodu.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi fetaħ kwerela kontra s-suldati u akkużahom b’attentat ta’ qtil tal-immigranti.
L-inkjesta Maġisterjali qed titmexxa mill-Maġistrat Joe Mifsud, flimkien mal-esperti tal-inkjesta mqabbda mill-qorti Martin Bajada, Lennox Vella, Richard Sladden, Marisa Mifsud u Andrè Schembri Wismayer.