Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal illejla fil-Parlament li l-Maġistrat Charmaine Galea għaddejja b’inkjesta dwar l-allegazzjonijiet marbuta mal-kumpanija 17 Black. Huwa qal li l-inkjesta ntalbet mill-pulizija ġimgħat ilu u qabel ma kien hemm rapporti fil-midja.
Dr Bonnici qal li la darba f’pajjiżna għandna s-saltna tad-dritt, huwa bħala Ministru u bħala parti mill-Gvern ma kienx infurmat li tnediet inkjesta speċifika dwar il-kumpanija 17 Black.Madankollu stqarr li wara spekulazzjonijiet fil-midja, huwa għamel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fejn ġie kkonfermat li hemm inkjesta maġisterjali għaddejja dwar l-allegazzjonijiet marbuta ma’ din il-kumpanija.
Għal mistoqsija tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-istituzzjonijiet jaħdmu b’mod awtonomu u appella konta l-ispekulazzjonijiet u biex kulħadd iħalli l-istituzzjonijiet jaħmdu b’serenità. Huwa tenna l-fiduċja tiegħu fil-pulizija l-ġudikatura.
Dwar l-investigazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Carauna Galizia, il-Prim Ministru qal li l-Gvern ma jindaħalx x’tirrapporta l-midja u saħaq li kull kelma li tingħad fuq dawn l-investigazzjonijiet hija żejda.