“Jidher li t-twerżiq tal-poplu ġie njorat.”
Hekk kiteb fuq Facebook l-esponent tal-Partit Nazzjonalista André Grech b’reazzjoni għall-aħbar li Jason Azzopardi kkontesta għall-elezzjonijiet każwali f’tentattiv li jipprova jsorġi fuq siġġu parlamentari.
L-eks Kunsillier Nazzjonalista f’Ħal Balzan qrib sew tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia għadda dan is-sentiment akkumpanjat minn ritratt li fih wera kif Jason Azzopardi tefa’ ismu għall-elezzjonijiet każwali fuq id-disa’ distrett wara li ċedew is-siġġu l-Viċi Kap Robert Arrigo u Joe Giglio.
Jason Azzopardi kien irrifjutat mill-elettorat hekk kif ma nġabarx bil-voti fuq ir-raba’ u d-disa’ distrett.
Fost l-oħrajn wara li l-Partit Nazzjonalista sofra l-ikbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana, André Grech tefa’ t-tort ukoll fuq id-Deputat Nazzjonalista Chris Said li kien ikkontesta l-elezzjoni għal Kap tal-Partit u tilef kontra Adrian Delia.
Skont Grech, Chris Said għandu t-tort hekk kif ma kienx aċċetta li tilef elezzjoni interna.
Dan hekk kif Said kien fost l-iktar voċiferi biex jittajjar Adrian Delia biex jilħaq Kap Bernard Grech.
Fost l-oħrajn Said kien l-ewwel deputat li mar għand il-President jitolbu biex ineħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni. Min-naħa l-oħra, quddiem din it-telfa elettorali storika Chris Said qed iwaħħal fil-Gvern u qed jgħid li l-elettorat għażel lill-Partit Laburista għax kien mixtri.