L-imsieħba soċjali laqgħu b’mod pożittiv u kienu sodisfatti bil-pakkett tal-Gvern ta’ sebgħin miljun ewro t’investiment fin-nies li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-Ħamis filgħodu f’Marsaxlokk flimkien mal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Fi kliem is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Catering, partikolarment iċ-ċekk addizzjonali ta’ mitt ewro għall-ħaddiema u l-istudenti u d-doppju lill-pensjonanti u dawk fuq l-għajnuna soċjali, se jfisser injezzjoni ekonomika oħra daqs il-vouchers.
Qal, “Ovvjament huwa cash injection fl-ekonomija fl-aħħar mill-aħħar. Mhuwiex permezz ta’ vouchers li se jiġu direttament għandna però fl-aħħar mill-aħħar id-disposable income, bniedem jonfoq meta bniedem jiġi jonfoq fl-istabbilimenti tal-catering tagħna. Jiġifieri ovvjament meta jkun hemm cash injection bħal dik ħa jkollha impatt fuq is-settur tagħna, pożittiv żgur.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union innota ż-żieda sa massimu ta’ mija u erbgħin ewro fiċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa filwaqt li semma kullana ta’ għajnuniet mill-Gvern waqt pandemija.
Spjega, “Issa għandek ukoll ċekkijiet għall-pensjonanti u għall-ħaddiema u l-istudenti li dawn ħa jgħinu iżjed billi ħa jkun hemm iktar flus fil-but x’jintefqu fl-ekonomija interna. Dawn irridu nżommu f’moħħna li dawn mhumiex xi ħaġa unika imma huma katina ta’ benefiċċji oħra bħal mal-ġimgħa li għaddiet kienet għadha kif ġiet imħabbra t-tnaqqis fit-taxxa fuq min jagħmel part-time u fuq l-over-time.”
Il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji saħaq li l-pakkett li ħabbar il-Prim Ministru mistenni jixpruna tkabbir ekonomiku.
Qal, “Għandek il-mitt miljun tal-vouchers li ħadmu ħafna u ovvjament dawn is-sebgħin miljun se jkomplu jżidu biex titkabbar l-ekonomija, aħna nixtiequ li l-ekonomija għal ekonomija li kellna fl-2019 u naħseb dawn is-sebgħin miljun, mal-affarijiet l-oħra li semmejt, se jkunu l-ixprun li nerġgħu naqbdu t-triq tat-tkabbir ekonomiku għall-pajjiż għal Malta u Għawdex u dawn huma ċ-ċavetta li nerġgħu nmexxu l-ekonomija ’l quddiem.”
Il-GWU nnutat l-għaqal tal-Gvern li baqa’ jwieżen tul l-imxija.
Qal, “Il-Prim Ministru Dr Abela kien qal li din mhux se tkun sprint imma ħa tkun tiġrija u jrid ikollna l-war chest tagħna, kien semma l-war chest li jrid ikun b’saħħtu biżżejjed biex nibqgħu għaddejjin u l-ekonomija tagħna ma tikkrollax. U llum il-ġurnata dak il-kliem li kien qal fil-bidu tal-pandemija qed jiġi vverifikat bħala li vera ġara hekk li inti għandek serħan il-moħħ li l-ekonomija tkompli tikber u l-Gvern qed jibqa’ jwieżen lil dawk l-iktar li huma vulnerabbli u li huma fil-bżonn.”