Il-Ministru tal-Ambjent imbarka inizjattiva li għandha twassal biex isiru attivitajiet ta’ tindif fi bnadi differenti madwar Malta u Għawdex.
L-ewwel waħda seħħet fin-nofstanhar tas-Sibt filgħodu meta numru ta’ għaddasa u ħaddiema mill-wasteserv f’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Ambjent naddfu iż-żona magħrufa bħala l-banjijiet tal-Belt Valletta mill-skart ta’ taħt il-baħar.
Il-Ministru għall-Ambjent, Jose Herrera, qal li din se tkun inizjattiva mifruxa mal-pajjiż kollu. Il-Ministru spjega li se jkun qed isir tindif f’żoni oħra fil-ġimgħat li ġejjin.
Minn naħa tiegħu Albert Dimech, Koordinatur Loġistiku tal-Fondazzjoni V18, tenna li din it-tindifa tat bidu għall-Valletta Green Festival. Huwa spjega li dan huwa festival ta’ ħdura f’Belt li hija nieqsa mill-affarijiet ta’ ġonna u spazju miftuħ.
Kienu madwar sbatax l-għaddasa li ħadu sehem u bħala apprezzament immedjat se jinbidel is-sellum imsaddas li jkun użat ta’ kuljum minn mijiet ta’ għaddasa fil-fossa fejn kien għereq l-HMS Mauri għal wieħed ġdid.