Sal-2030 il-vetturi ġodda li jinxtraw jew jinkrew mis-settur pubbliku u minn entitajiet pubbliċi oħrajn iridu jkunu dawk li ma jiġġenerawx emissjonijiet fl-arja, iddikjara l-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Josè Herrera għan-nom tal-Gvern Malti waqt il-Global Climate Action Summit f’San Francisco, l-Istati Uniti.
Dan filwaqt li l-Gvern jibqa’ kommess li jsostni inizjattivi kurrenti u oħrajn ġodda ta’ għajnuna biex jinxtraw vetturi elettriċi filwaqt li jkompli jtejjeb l-infrastruttura meħtieġa. Din l-azzjoni tal-Gvern Malti tingħaqad ma’ diversi oħrajn magħmula minn bosta pajjiżi, bliet, kumpaniji privati u entitajiet mhux governattivi bl-għanijiet prinċipali jkunu li jiġi mitigat it-tibdil fil-klima li qed iġġib magħha diżastri naturali kif ukoll li jiġu mwettqa u xprunati l-prinċipji milħuqa fil-ftehim storiku ta’ Pariġi.
Hekk kif id-dinja kull ma tmur qed issaħħaħ il-vuċi kollettiva favur aktar miżuri biex jiġi mitigat it-tibdil fil-klima, anke pajjiżna qed jingħaqad mal-komunità internazzjonali biex jiġu adottati miżuri aktar sostenibbli u b’kuxjenza ambjentali.
“L-impenn ta’ pajjiżna b’azzjoni bħal din kif ukoll id-diversi miżuri ambjentali oħrajn li l-Gvern qed jieħu, fosthom il-Low Carbon Development Strategy, l-investiment li qed isir fl-immaniġġjar tal-iskart kif ukoll l-aġġornament tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-Green Public Procurement biex jiġu inċentivati aktar il-kunsiderazzjonijiet ambjentali fix-xiri tal-Gvern, ikompli juri kemm tabilħaqq qed nieħdu l-aspett ambjentali u partikolarment dak tat-tibdil fil-klima bis-serjetà”, qal il-Ministru Herrera hekk kif ġiet sottomessa din l-azzjoni ta’ Malta waqt il-Global Climate Action Summit.
Ritratt (MESDC)