Il-Coronavirus ma waqqafx il-kreattività ta’ Teatru Malta. Propju fil-jum iddedikat għat-Teatru Dinji, Teatru Malta flimkien mal-Ministeru għall-Arti niedew tliet inizjattivi li jgħinu lill-artisti f’dan iż-żmien ta’ sfida.
TeleTeatru, Kwarta Kwarantina u Teatru Depożit huma t-tliet inizjattivi. TeleTeatru hija pjattaforma ġdida fejn proġetti artistiċi u teatrali jitwasslu direttament fid-djar tan-nies.
Il-Ministru Herrera spjega: “Permezz ta’ TeleTeatru se nkunu qed nuru proġetti ta’ Teatru Malta online u fuq it-televiżjoni bħala parti minn proġett akbar li jwassal it-teatru fid-djar tal-udjenzi.”
Kwarta Kwarantina huma sett ta’ filmati miġbuda minn artisti biex jinkoraġixxu lin-nies jibqgħu ġewwa f’dan il-perjodu ta’ żmien b’mod artistiku. Dawn il-filmati ttelgħu fuq il-paġna ta’ facebook ta’ Teatru Malta.
L-aħħar inizjattiva, Teatru Depożit huwa proġett fejn l-artisti jistgħu jiksbu sa’ ħamsin fil-mija depożitu fuq xogħol li għad iridu jagħmlu fil-futur.
Intant l-artisti huma ħaddiema li ġew affettwati bil-Coronavirus, u dawn ukoll se jkunu qed jibbenefikaw minn għotjiet u miżuri finanzjari li diġà tħabbru mill-Gvern.
Crew ta’ ONE Nesw tkellem mad-direttur artisitku, is-Sur Sean Buhagiar. Huwa qal: “Bażikament qed inħallsu depożitu lill-artisti li jipproponu li jaħdmu magħna fuq proġetti li fil-futur nistgħu nittrasformaw f’realtà. L-artisti se jitħallsu depożitu issa għax-xogħol ġejjieni tagħhom, depożitu meta huwa l-iżjed meħtieġ.”
L-inizjattivi kollha se jkunu qed isiru b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti.