It-taħriġ li se jingħata lill-membri l-ġodda u dawk eżistenti tal-Korp tal-Pulizija se jkun iktar speċjalizzat u saħansitra akkreditat, inkluż minn istituzzjonijiet ta’ reputazzjoni.
Dan qalu l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fi żjara li għamel lil ħamsa u sittin rekluta li bħalissa għaddejjin bit-taħriġ fl-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Dan il-Gvern qed jagħmel investiment bla preċedent fil-forzi tal-ordni tagħna. Kemm investiment fil-makkinarju, investiment fl-apparat iżda fl-aħħar mill-aħħar ukoll investiment fit-taħriġ. Kemm ta’ dawk li llum huma rekluti u kemm ta’ dawk li diġà jinsabu fil-korp tal-Pulizija jew inkella f’korpi dixxiplinati oħrjan. Għas-sigurtà ta’ pajjiżna hemm bżonn li nkomplu ninvestu u għaldaqstant l-akkademja qed tagħti taħriġ speċjalizzat, tal-aqwa kwalità sabiex dawn il-persuni jagħtu l-aqwa servizz għas-sigurtà ta’ pajjiżna.”
Ir-rekluta Diandra Bartolo Haidon spjegat li ż-żewġ fatturi li ġibduha lejn il-korp tal-pulizija huma l-istrateġija biex il-pulizija jkunu aktar fil-komunità, u l-fatt li l-fiduċja tan-nies fil-korp tal-Pulizija żdiedet.
Hija qalet, “Dan l-aħħar rajt li kien hemm strateġija li bħala Pulizija se jingħaqdu ħafna aktar mal-komunità u ħajritni ħafna li qed nara li n-nies għandhom ħafna aktar fiduċja fil-pulizija.”
It-taħriġ intensiv se jieħu numru ta’ ġimgħat u jinvolvi taħriġ prattiku u dak teoretiku.