Din is-sena, se ssir l-għaxar konferenza MAVIO dwar l-avjazzjoni f’pajjiżna, fuq inizjattiva volontarja li taf il-bidu tagħha fl-elfejn u għaxra.
Dakinhar, erbat iħbieb ingħaqdu flimkien biex sena wara bdew jorganizzaw konferenza annwali dwar is-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna.
Għall-konferenza ta’ din is-sena, se jkun hemm numru ta’ kelliema barranin u kollaborazzjoni ma’ rivista Ġermaniża li se tpoġġi lis-settur Malti taħt il-lenti ta’ bdoti, linji tal-ajru u investituri barranin.
Venrose Caruana, li ilha għal dawn l-aħħar sentejn fuq il-bord ta’ MAVIO u tieħu ħsieb il-promozzjoni tal-avveniment, spjegatilna aktar dwar din il-konferenza.
Caruana qalet, “Il-konferenza li norganizzaw darba fis-sena hija b’xejn għall-mistednin kollha tagħna. Nagħmlu mezz li jkollna firxa wiesa’ ta’ delegati biex ikollna rappreżentanza mis-settur kollu tal-avjazzjoni. Il-konferenza għandha mżewqa magħha l-MAVIO Aviation Awards li jkun hemm stennija qawwija għalihom.”
Fi ħdan l-inizjattiva nnifisha nħoloq think tank li ressaq ’il quddiem numru ta’ proposti lil diversi entitajiet.
Caruana sostniet, “Għadna kif ippreżentajna dokument lill-Aviation Advisory Committee għall-politika dwar l-avjazzjoni ċivili 2022-2030 li għandu jiġi ffinalizzat fil-ġimgħat li ġejjin. MAVIO ppreżentat numru ta’ proposti fejn dan is-settur tant importanti għal pajjiżna jista’ jiftaħ orizzonti ġodda li s’issa għadhom ma ġewx esplorati.”