Inizjattiva minn Evolve Endurance Club bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza fuq il-problema tal-obeżita’ f’pajjiżna.
Ftit tax-xhur ilu dan il-klabb lokali tal-atletika nieda programm bl-isem ta’ ‘The Obesity Training Program’. L-għan hu li jħajjru aktar persuni sabiex ibiddlu l-istil tal-ħajja tagħhom u b’hekk jgħixu ħajja aktar f’sahhitha. Il-programm hu mifrux fuq disa’ xhur u matulhom 20 parteċipant li għandhom problema ta’ obezita’ se jkollhom l-opportunita’ li jtejbu l-istil ta’ ħajja tagħhom.
F’dan l-istess programm ta’ Evolve Endurance Club, il-parteċipanti se jitħarrġu ma’ coaches kwalifikati u ‘physical trainers’. Se jaħdmu wkoll ma’ nutritionist, b’kull parteċipant se jkollu pjan individwali dwar l-ikel li għandu jiekol.
Se jkun hemm kuntatt regolari bejn il-parteċipanti u l-professjonisti ta’ dan il-programm bil-għan li dawk kollha involuti fih ikunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom. Bhala inċentiv, il-parteċipanti li jkunu tilfu l-aktar piż, se jingħataw premju ta’ €500.
Malta għandha l-ogħla rata ta’ obeżita’ minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, b’aktar minn 25% tal-adulti għandhom din il-problema. Stħarrig riċenti wera li persuna minn kull ħamsa f’Malta tmut kawża ta’ attakk tal-qalb jew dijabete.