Il-Ministeru għal Għawdex ħabbar proġett ġdid ta’ Cat Cafè li permezz tagħha aktar qtates se jkunu protetti u miġbura f’postijiet speċifiċi.
Dan ħabbritu l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet barra l-bini tal-Animal Welfare f’Għawdex.
Il-Ministru Caruana qalet li l-iskop ta’ dan il-Cat Cafè nibtet mis-suċċess ta’ skemi u inizjattivi preċedenti fejn il-Ministeru għal Għawdex issussidja u anke offra servizzi ta’ cat neutering. Issa l-Ministeru ħareġ b’inizjattiva li flimkien mal-kunsilli lokali, ser jiġu identifikati postijiet adegwati għal Cat Cafès.
Il-Ministru Caruana saħqet dwar l-importanza li għandna nagħtu lill-annimali speċjalment billi nagħtuhom ambjent li jixirqilhom. F’dan il-każ ser jingħataw post adegwat fejn ser ikunu protetti mill-elementi u anke nindirizzaw problemi li jista’ jkollhom.
Min-naħa tagħha Heidi Grech, kurattriċi tal-Animal Welfare, qalet kif grazzi għall-għajnuna tal-Ministeru, l-Animal Welfare jssaħaħ u ngħata l-importanza mistħoqqa. Hija qalet li ser isiru arranġamenti mal-feeders diversi fil-lokalitajiet biex jiġu koordinati l-Cat Cafès. Hija żiedet tgħid li inizjattivi simili ser ikomplu jżidu l-kuxjenza favur l-annimali, speċjalment ta’ dawk domestiċi. Hija kkonkludiet b’appell sabiex f’dawn il-festi nevitaw nixtru annimali bħala rigal. Dan għaliex l-annimali għandhom jittieħdu biss jekk ikun hemm ir-rieda li ser jinżammu bl-aqwa mod u fl-aqwa ambjent.
Ritratti: MGOZ