Ġiet imnedija inizjattiva minn Infrastructure Malta, flimkien mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, biex, wara xhur ta’ laqgħat u konsultazzjonijiet, il-kunsilli lokali se jkunu jistgħu japplikaw għal proġetti li jinċentivaw modi varji ta’ trasport u biex it-toroq jagħtu iżjed prijorità lin-nies.
Il-Ministru responsabbli Chris Bonett qal kif issa, wara li ilhom anke jisimgħu l-ideat għal dawn l-aħħar xhur, se jibda jsir it-twettiq ta’ dak li hemm bżonn li jsir.
Dan se jwassal ukoll għal qalba meħtieġa anke fl-operat tal-aġenzija Infrastructure Malta, minn waħda ta’ proġetti tat-toroq għal waħda bi proġetti anke ambjentali, li hu wkoll punt tat-tluq biex in-nies tibda tidra tgħix mod ieħor fil-lokalità.
“Hi inizjattiva interessanti, għax irid ikun hemm ħafna ħsieb warajha qabel ma tipproponi proġett, l-aktar faċli li tista’ tagħmel tgħid għandi triq ħa nagħtiha kisja tarmak u nirranġa l-bankina u tlaqna, din le. Trid daqsxejn aktar ħsieb u m’għandix dubju li mil-laqgħat u diskussjonijiet li jkolli mal-Kunsilli Lokali, kif ukoll mal-NGOs, nemmen li se joħorġu erba’ ideat interessanti fuq dan il-proġett. Looking forward ħafna biex nara t-twettiq tagħhom jibda jsir.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, qal li din l-inizjattiva fejn se jkunu investiti għaxar miljun ewro, hi mportanti ħafna, għax se ġġib flimkien lill-kunsilli u numru ta’ għaqdiet volontarji fil-komunitajiet tagħna jew għaqdiet ambjentali.
Sostna li jridu li jikkollaboraw flimkien biex jagħtu lill-aġenzija governattiva proposti ta’ xi jridu jaraw fit-toroq ewlenin jew sekondarji.
“Irridu li jkollna toroq għan-nies, li jipprijoritizzaw lin-nies aktar mill-vetturi, irridu li naraw li jkollna toroq li jagħtu l-possibbiltà lil min irid jimxi fl-irħula tagħna, lil min juża r-rota, biex ikun jista’ jagħmel dan bis-sigurtà kollha u b’mod effikaċi.”
Ellul qal kif dan kollu qed isir biex, fl-aħħar mill-aħħar, tissaħħaħ il-komunità kollha flimkien mal-ibliet u l-irħula. Semma kif hu għalhekk importanti li l-infrastruttura tkun msaħħa u jinħoloq bilanċ bejn il-bżonnijiet kemm kummerċjali u anke tar-residenzi, biex fl-aħħar mill-aħħar jixprunaw u jinċentivaw kwalità ta’ ħajja aħjar f’kull min jgħix u jaħdem f’pajjiżna, kif ukoll pjazez u qalba tal-lokalità aktar sigura u bi spazji mimlijin aktar nies milli bil-karozzi.
“Għalhekk issa ftaħna l-applikazzjonijiet biex fis-sitt ġimgħat li ġejjin nkunu qed nirċievu u naraw dawn l-applikazzjonijiet ħalli nitilqu mbagħad bi proċess mhux biss ta’ konsultazzjoni man-nies, imma proċess importanti tat-twettiq u ta’ implimentazzjoni ta’ dawn it-toroq fl-ibliet u l-irħula tagħna.”