Mit-22 ta’ April sal-31 ta’ Awwissu din is-sena, il-Malta Libraries se tkun qed tiċċelebra l-50 anniversarju mit-tnedija tas-serje ta’ kotba tant maħbubin, ‘Id-Denfil’.
‘Id-Denfil’ dam joħroġ għal 33 sena sħaħ mill-1974 sal-2007 u fl-ewwel edizzjoni tiegħu kienu ġew ippubblikati seba’ kotba li kienu jinkludu l-ktieb rari ‘Id-Denfil Taż-Żgħar’.
Dawn il-kotba rawmu ġenerazzjonijiet ta’ studenti fil-qari tal-Malti u fost it-temi prinċipali tal-istejjer u siltiet miġburin fihom insibu l-imħabba lejn il-pajjiż u l-lingwa Maltija, l-iżvilupp storiku ta’ gżiritna, l-imħabba lejn l-ambjent u n-natura, ir-rispett lejn il-proxxmu u l-imħabba lejn l-annimali.
Issa permezz ta’ inizjattiva għall-pubbliku se jkun qed jitfakkar in-nofs seklu mit-twelid ta’ ‘Id-Denfil’, bħala parti mill-programm t’attivitajiet uffiċjali marbutin mal-ġimgħa ddedikata lil-libreriji, li taħbat dejjem mal-Jum Dinji tal-Ktieb u l-Jeddijiet tal-Awtur.
Dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’dan l-anniversarju mitluba jiġbru biljett mil-Librerija Pubblika Ċentrali fil-Furjana u r-Rabat, Għawdex, dawk reġjonali ta’ Birkirkara, Ħal Qormi jew il-fergħat ta’ Pembroke, Birżebbuġa, l-Imtarfa, Għajnsielem, San Lawrenz, il-Qala, l-Għarb u x-Xewkija.