Il-Kunsill Lokali Bormliż inawgura numru ta’ cat cafes li se jitferrxu madwar il-lokalità sabiex il-qtates tat-triq ikunu jistgħu jsibu refuġju taħt dan is-saqaf ċkejken, ikun x’ikun l-istaġun.
Din l-inizjattiva saret bħala parti mill-implimentazzjoni tal-iskema LC Care Project li kienet imnedija mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali.
Apparti l-cat cafes li nbnew minn ħaddiema tal-kunsill lokali, il-kunsill lokali xtara wkoll gaġġeġ, mediċina għas-santwarju lokali u investa fi skontijiet sabiex jiġu msewwija l-qtates.
Joyce Scerri voluntiera fis-Santwarju Carers for Stray and Abandoned Felines qalet li għall-qtates li jieħu ħsieb dan is-santwarju, din id-donazzjoni tfisser id-dinja.
Hija stqarret: “L-għajnuna li ħa jagħtuna pereżempju mediċini u affarijiet hekk, dak aħna nonfqu ħafna kull xahar, medication u hekk iġifieri dan tista’ tgħid li we’re covered għal naqra żmien mhux ħażin. Anki tawna l-gaġġeġ li tant qegħdin bżonnjużi għax li għandna veru mhux qegħdin sew.”
Is-Sindku ta’ Bormla, Alison Zerafa Civelli spjegat kif dawk il-persuni reġistrati bħala dawk li jitimgħu l-qtates mal-kunsill flimkien mas-santwarju ser jirċievu wkoll ikel tal-qtates, liema spiża ħariġha l-Kunsill stess biex jgħin kemm jista’.
Hija spjegat: “Il-cat cafes li nħadmu mill-ħaddiema tal-kunsill ser nagħmluhom fit-toroq, jew f’ġonna jew f’postijiet fejn jinġabru dawn il-qtates ħalli jkollhom ilqugħ għax-xita u xemx fi żminijiet diffiċli. Jiġifieri se jkunu qed jibbenefikaw minnhom l-annimali tagħna li jgħixu f’Bormla stess.”
Il-Ministru għad-drittijiet tal-annimali Anton Refalo tenna l-impenn tal-Gvern f’dan is-settur u stqarr li bħalissa għaddejja ħidma sabiex jitnedew skemi simili.
Hu stqarr: “Beħsiebna nagħmlu aktar skemi li huma importanti. Skemi li aħna nagħtu dik l-għajnuna importanti sabiex aktar kunsilli u NGOs ikunu jistgħu jagħmlu xogħol siewi fit-trattament tal-annimali.”