Il-Forum Kontra l-Faqar faħħar l-inizjattiva tal-Gvern li se toffri stabbiltà fil-prezzijiet ta’ madwar 400 prodott tal-ikel, fi ħmistax-il kategorija differenti, mill-1 ta’ Frar li ġej.
Din l-inizjattiva, li se tibqa’ fis-seħħ sal-baġit li jmiss, se tara l-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali tal-ikel jorħsu b’mill-inqas ħmistax fil-mija fuq kemm kienu jinbiegħu f’Ottubru li għadda, waqt li mbagħad jibqgħu stabbli għad-disa’ xhur li jmiss.
Il-Forum Kontra l-Faqar spjega li din l-inizjattiva hi meħtieġa ħafna u se tgħin lil dawk li jaqilgħu l-inqas biex ikunu aktar kapaċi jħallsu l-ħtiġijiet bażiċi għall-familji tagħhom.
Fi stqarrija, il-Forum Kontra l-Faqar, li hu magħmul minn 17-il NGO Maltija li jaħdmu fil-qasam soċjali lokali, qal li jemmen li pajjiżna għandu bżonn sistema fejn il-prezzijiet tal-oġġetti bażiċi jiġu mmonitorjati regolarment u għal dan il-għan tinkoraġġixxi diskussjonijiet mal-fornituri biex b’hekk jiġi żgurat monitoraġġ kontinwu.
Waqt li rreferiet ukoll għas-sussidju tal-enerġija, l-assoċjazzjoni tenniet li skemi u inizjattivi simili m’għandhomx ipoġġu lil kulħadd fl-istess keffa, anzi għandhom ikunu skont it-test tal-mezzi.
Sadanittant l-inizjattiva ta’ stabbiltà fil-prezzijiet se tara li, mill-Ħamis l-1 ta’ Frar, min se jmur jixtri minn ħwienet parteċipanti fl-iskema se jkollhom tabelli li juru prezzijiet differenti, inkluż il-prezz rakkomandat tal-prodott mill-importatur lill-bejjiegħ. Dak il-prezz rakkomandat, se jkun qiegħed jorħos b’mininu ta’ 15%, għax jeżistu supermarkets u ħwienet oħrajn li jmorru inqas mill-prezz rakkomandat.
L-inizjattiva, imħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri fit-18 ta’ Jannar li għadda, se tara li l-prezzijiet imraħħsin se jibqgħu stabbli żgur sat-tħabbira tal-baġit li ġej.
Numru ta’ supermarkets ewlenin diġà jinsabu għaddejjin fi gwerra tal-prezzijiet bejniethom għal min se jraħħas l-iżjed il-prodotti tiegħu għall-klijenti u mhux biss dawk involuti fl-iskema.