F’Baku, id-delegazzjoni Maltija waqt il-COP29, ippreżentat ir-riżultati ta’ inizjattiva Maltija li tkejjel l-indiċi tal-vulnerabbiltà u r-reżiljenza għall-klima ta’ dawk magħrufa bħala ‘Small Island Developing States’.
Dawn ġew ippreżentati mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ambaxxatriċi Maltija dwar il-Klima, il-Professur Simone Borg.
Din l-inizjattiva hi mmexxija mill-Gvern Malti, b’kollaborazzjoni mal-Istitut għall-Gżejjer u l-Istati Żgħar fl-Università ta’ Malta u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.
Il-Ministru Dalli sostniet li l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw huma fost l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima.
Waqt is-sessjoni Maltija bit-titlu ‘Fostering Climate Adaptation and Resilience in Small States and Beyond’, id-Direttur tal-Istitut tal-Gżejjer u Stati Żgħar fl-Università ta’ Malta, il-Prof. Stefano Moncada ppreżenta fid-dettal ir-riżultati ta’ dan l-indiċi.
Huwa spjega kif dawn l-indiċi jintroduċu metriċi standardizzati biex jgħinu fit-tfassil ta’ politika, u tgħin lill-pajjiżi jissorveljaw u jqabblu b’mod sistematiku l-progress tagħhom fit-tisħiħ tar-reżiljenza u biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet għall-klima.
L-attivitajiet li ħadet sehem fihom il-Ministru fil-COP29 enfasizzaw it-tmexxija ta’ Malta fil-qasam tar-reżiljenza klimatika.
Il-COP29, li qed isir f’Baku, laqqa’ flimkien mexxejja dinjija, esperti fil-klima, u attivisti, biex jindirizzaw l-aktar sfidi urġenti marbuta mat-tibdil fil-klima.