Fil-fatt, id-Direttorat qiegħed itella’ kampanja bil-għan li twassal għal aktar għarfien dwar kulturi oħra, f’festival li hu mgħoni b’erbgħin kċina differenti u li qed jattira mijiet ta’ Maltin, Għawdxin u turisti ta’ kuljum.
Fost l-ikel u l-attivitajiet mtella’ waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta International Food Festival, kien hemm preżenza wkoll tal-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem minn fejn qed itella’ kampanja edukattiva.
Il-Kap tat-Taqsima Interkulturali u kontra r-Razziżmu, fi ħdan id-Direttorat, Alex Tortell, tkellem dwar il-mod uniku li bih il-kulturi jiltaqgħu flimkien permezz tal-ikel.
“F’dan il-festival qed naraw rappreżentanti ta’ ħafna pajjiżi li ġew flimkien biex juru l-ikel tagħhom u kulħadd jieħu gost jara l-kulturi flimkien. Id-Direttorat ħaseb li tkun xi ħaġa sabiħa li nagħmlu stand bil-komunitajiet ta’ immigranti barranin f’Malta li flimkien jistgħu juruna b’mod aktar interessanti li jifmhu kulħadd kif nibnu l-integrazzjoni f’pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Uglwajanza, Rebecca Buttigieg, żaret din l-inizjattiva li qed titella’ fuq il-Fosos tal-Furjana minn fejn saħqet dwar il-politika tal-Gvern favur l-integrazzjoni tal-komunitajiet.
“Ir-rwol tagħna bħala Gvern nemmnu li nkomplu nippromwovu l-politika tal-integrazzjoni u x’hawn isbaħ milli żżewweġ il-komunitajiet u kulturi differenti mal-ikel. Għaldaqstant, bħala Gvern ħassejna l-importanza li nkunu preżenti f’attività bħal din fejn ġibna flimkien komunitajiet differenti u qed nippromwovu l-kulturi tagħhom, fl-istess waqt li qegħdin naraw li kulħadd jista’ jgħix flimkien f’soċjetà illi tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.”