Lejliet il-bidu tax-xahar iddedikati għall-kundizzjoni tad-Dimensja ġie ffirmat ftehim bejn il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa u d-Dipartimnet tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità sabiex isir investiment fil-komunità għal iżjed għarfien dwar il-kundizzjoni tad-dimensja.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia stqarr kif dan il-ftehim imur id f’id mal-investiment f’ċentru ta’ matul il-jum u matul il-lejl għal persuni bid-dimensja fl-istess lokalità u li ser jinfetaħ ix-xahar id-dieħel.
Ftit wara mistenni jinfetaħ ukoll wieħed f’Ħal Safi.
Kuljum iċ-ċentru ser jilqa’ tnax-il persuna bi tliet sessjonijiet fil-ġimgħa għal kull pazjent.
L-ewwel pass b’effett minn dan il-ftehim ser ikun li jitwaqqaf grupp ta’ tmexxija ta’ persuni li għandhom interess fil-proġett u li jistgħu jiltaqgħu regolarment sabiex jaħdmu fuq diversi inizjattivi.
Dan filwaqt li ser isiru diversi taħdidiet minn professjonisti sabiex jedukaw lill-komunità tal-Imtarfa dwar il-kundizzjoni tad-dimensja.
Il-Ministru Farrugia stqarr kif din l-inizjattiva tista’ twassal sabiex dawn il-persuni li jkunu qed ibatu mid-dimensja jgħixu ħajja normali.
Huwa qal, “Dawn il-persuni issa mhux ser ikunu biss joqogħdu fiċ-ċentru imma l-carers tagħhom ser joħorġuhom, sal-knisja, għand tal-merċa, spiżerija, fil-ġonna, fit-toroq, joħduhom iduru. U allura aħna rridu li jkun hemm kollaborazzjoni billi l-komunità trid tirrikonoxxi il-kundizzjoni, tkun taf l-għerf fuq din il-kundizzjoni u tista’ tkun ukoll ta’ sapport għal dawn il-persuni biex jgħixu ħajjithom b’mod normali.”
Is-Sindku tal-Imtarfa stqarr kif dan il-proġett huwa importanti daqs kull proġett li sar s’issa f’din il-lokalità għaliex il-Kunsill għandu impenn soċjali qawwi.
Stqarr kif il-Kunsill ser ikun qed isegwi x-xogħol li ser isir b’effett ta’ dan il-ftehim.
Bħala Kunsill spjega kif ser jaħdem sabiex ikun hemm integrazzjoni inter-ġenerazzjonali.
Qal li għalhekk ser ikun kruċjali wkoll l-irwol taż-żgħażagħ: “L-Imtarfa mhux biss għandna ambjent mill-isbaħ, ambjent li huwa seren iżda għandna wkoll diversi servizzi ta’ kuri speċjalizzati u allura l-komunità tagħna hija diġà orjentata ma’ dan it-tip ta’ xogħol. Kif għidna, dan il-proġett ma jinvolvix biss iċ-ċentru imma l-investiment fil-komunità biex din il-komunità tkun kapaċi tirrelata, tapprezza pazjenti, persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-dimensja.”