Permezz ta’ proġett ġdid favur aktar l-inklużjoni, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar nieda proġett permezz ta’ tabelli tal-lingwa tas-sinjali, bil-għan li titjieb il-komunikazzjoni bejn persuni neqsin mis-smigħ u l-pubbliku inġenerali.
Dawn it-tabelli jinkludu l-alfabett tal-lingwa tas-sinjali bil-Malti u kif ukoll sinjali relatati mal-postijiet fejn twaħħlu t-tabelli. S’issa ħames postijiet differenti f’din il-lokalità, jiġifieri ċ-Ċentru tas-Saħħa, id-dog park, il-grawnd tal-futbol, il-bandli u barra l-iskejjel, qed igawdu minn dan is-servizz.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Jorge Grech qal li, fil-ġimgħat li ġejjin, se jitwaħħlu wkoll tabelli żgħar fuq ġewwa tal-Iskejjel Primarji, f’kull klassi.
“Anke fl-Iskola Primarja A u Skola Primarja B se nintroduċu dawn l-istess tabelli fil-klassijiet biex in-nies jikkomunikaw ma’ persuni neqsin mis-smigħ u b’hekk ikollna soċjetà aktar inklussiva f’Ħaż-Żabbar.”
Is-Sindku rringrazzja liż-Żabbar Community Services, l-Għaqda Żgħażagħ Neqsin mis-Smigħ Malta, l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ u lill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għall-kollaborazzjoni tagħhom favur dan il-proġett.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret l-inizjattiva tal-Kunsill u qalet li dan il-proġett jirrappreżenta pass sinifikanti fl-impenn tal-gvernijiet lokali biex joħolqu lokalitajiet aktar inklussivi għar-residenti.
“Inħeġġeġ lil aktar kunsilli lokali jimxu fuq dan il-pass biex ikollna Malta aktar inklussiva, permezz ta’ proġetti żgħar, imma importanti, ħalli jkollna aktar komunitajiet b’saħħithom u inklussivi.”