Il-Korp tal-Pulizija se jkun qed joffri sessjonijiet ta’ self-defence lil tfal li jkunu esperjenzaw reat kriminali. Il-vittmi minn tmien snin ’il fuq se jkollhom opportunità li jingħataw taħriġ mingħajr ħlas minn pulizija b’esperjenza.
Din l-inizjattiva tħabbret minn Lydia Abela u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri.
Waqt żjara fil-gym tal-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati, Dr Abela u Dr Camilleri tkellmu mal-membri tat-taqsima tal-Ispecial Intervention Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li se jkunu qed jagħtu dan it-taħriġ.
Lydia Abela spjegat kif bħala parti mis-sittax-il jum ta’ attiviżmu dwar il-vjolenza domestika, din is-sena riedet tiffokka fuq it-tfal biex jiġi assigurat li dawn jingħataw kull opportunità possibbli biex l-esperjenza negattiva ma tħassarx il-futur tagħhom.
“Nafu illi sfortunatament meta jkun hemm każijiet ta’ vjolenza domestika it-tfal jbatu ħafna. Il-Korp tal-Pulizija se jkun qed jagħti lezzjonijiet b’xejn ta’ awto-difiża lit-tfal minn tmien snin ’il fuq li jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika biex irawmu aktar kunfidenza fihom infushom u biex ikunu jafu kif jistgħu jiddefendu lilhom infushom f’każijiet ta’ vjolenza domestika.”
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Camilleri spjega li l-Korp tal-Pulizija qiegħed hemm għal kulħadd, mill-kbir saż-żgħir però l-ewwel prjorità hija t-tfal u għandhom jiġu protetti f’kull eventwalità.
“Il-Korp tal-Pulizija qiegħed u għandu jkun hemm għal kulħadd. Imma b’mod speċjali għall-iżgħar vittmi fis-soċjetà tagħna, it-tfal.”
L-ispettur Sylvana Gafà spjegat li l-Pulizija qed taħdem ferm sabiex vittma ma terġax issir vittma għat-tieni darba.
“Dawn il-klassijiet se jkunu ipprovduti minn pulizija stess li huwa instructor u l-għan ta’ dan it-training huwa biex li l-vittmi li b’xi mod kellhom xi kuntatt mal-pulizija minħabba reat li huwa sofrew ikollhom kuntatt pożittiv anke mal-pulizija. Fejn meta jkunu rrappurtaw ir-reat tagħhom, il-puliziija ser ikun f’irwol tiegħu investigattiv din id-darba, l-irwol tal-pulizija ser ikun b’mod aktar ta’ ħabib ta’ din il-vittma.”