Tnediet l-inizjattiva Re-Stone, li ġiet żviluppata biex jiġi riċiklat l-iskart tal-ġebla tal-franka, u li għalhekk ikun jista’ jintuża biex jinħolqu prodotti tal-bini riċiklati.
Il-proġett ġie ffinanzjat mill-Programm Fusion tal-R&I, amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija b’fond ta’ madwar €200,000.
Matul avveniment li sar fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora, ir-rappreżentanti ta’ Re-Stone qasmu r-riżultati tal-proġett ma’ dawk preżenti. Spjegaw li l-iskart jgħaddi minn proċess proprjetarju biex jiġi kkonvertit għal prodott b’valur miżjud ta’ kwalità għolja, bħal blokki tal-bini u kisi tal-ħitan, fost prodotti oħra.
Preżenti f’dan l-avveniment kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka,, u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, li enfasizza li proġetti bħal dawn huma fundamentali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna għax b’hekk jiġi assigurat li bħala nazzjon nagħmlu użu sostenibbli mir-riżorsi naturali tagħna permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, anke fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Qal, “Restone, li qed idawwar sfida f’opportunità, fejn dan l-iskart ta’ kostruzzjoni qed naraw li se jerġa’ jintuża għall-benefiċċju tas-soċjetà Maltija. ”
Id-Direttur tal-Esplora Clayton Cutajar qal li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Esplora huwa li nqarrbu d-distakk bejn ir-riċerka u l-pubbliku inġenerali.
Spjega, “Illum fl-Esplora qed inqajmu għarfien dwar l-importanza ta’ dan il-proġett biex ikollna aktar riċerka lokali, nikkreaw iktar local researcher role models, sabiex forsi iktar żgħażagħ u iktar nies jagħżlu s-suġġetti u impjieg fl-oqsma stess.”
Il-Professur Spiridione Buhagiar, koordinatur tal-proġett, qal li l-iskart tal-kostruzzjoni tal-lum ċertament se jkun riżorsa għall-bini ta’ għada u għalhekk, sabiex nirnexxu, għandna bżonn rieda u impenn b’saħħtu ħalli nirriċiklaw l-iskart tagħna.
Qal, “Tests have shown that we can achieve the same quality as many of the material that have been used till today.”