Tnediet inijattiva ġdida, li se toffri konsulenza lill-azjendi agrikoli fuq business plans u business process reengineering lil bdiewa u raħħala lokali, inizjattiva li hi allineata wkoll mal-Malta Vision 2050.
Permezz tal-iskema, il-Gvern se jkun qed jalloka sa massimu ta’ €5,000 għal kull konsulenza u l-bdiewa jistgħu jagħżlu l-konsulent li jridu, ġaladarba dan ikun diġà approvat u rikonoxxut mill-AgriConnect.
Dan l-appoġġ għandu jwassal lill-intrapriżi agrikoli lokali biex jirristrutturaw l-proċessi tagħhom.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, nieda din l-inizjattiva, filwaqt li nnota kif din hi kruċjali għall-azjendi agrikoli biex jiżguraw suċċess fit-tul u l-kompetittività.
“Inti hemm bżonn li tara li x-xogħol li tkun qed tagħmel, l-ażjendi kumerċjali, tagħmel business plan li hu importanti ħafna. Qed noffru lil dan il-bidwi jew raħħal mhux aktar minn €5,000, li bih iqabbad konsulent li jkun irreġistrat magħna biex ikun jista’ jagħmel dawn l-affarijiet importanti biex is-settur ikun aktar reżiljenti u innovattiv għall-isfidi tal-lum u għada.”
ANTON REFALO
Id-Direttur tal-Agrikoltura, Marco Dimech, spjega kif pjan strutturat sew ta’ negozju jagħti direzzjoni ċara, jgħin biex jiġu stabbiliti l-miri u jorjentaw il-finanzjament b’mod li jindirizzaw r-riskji, bħal bidliet fil-prezzijiet tas-suq jew sfidi klimatiċi.
“Żidna l-partnership mal-privat. Il-privat jista’ jkun rikonoxxut bħala konsulent għall-business plan, li jkun jista’ jagħżel wieħed minn dawn il-business plans jew business process engineering.”
MARCO DIMECH
Din l-iskema hi miftuħa kemm għall-bdiewa, li jkabbru l-ħaxix u l-frott, kif ukoll għar-raħħala, li jrabbu l-annimali.