Tħabbret inizjattiva ġdida ‘Open Horizons: Education through Indoor and Outdoor Learning Scheme’ li permezz tagħha l-iskejjel qed jiġu mħeġġa biex joħolqu proġetti innovattivi ta’ tagħlim ġewwa jew barra l-klassi, li jsaħħu l-involviment tal-istudenti fis-suġġetti STEM, il-litteriżmu, u n-numeriżmu.
L-iskema hija inizjattiva ġdida bħala parti mill-implimentazzjoni kontinwa tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni. Din l-inizjattiva tirrappreżenta bidla tanġibbli fl-approċċ edukattiv f’Malta, u tirrifletti l-impenn tal-Ministeru biex tkun modernizzata u msaħħa l-esperjenza ta’ tagħlim għall-istudenti madwar il-pajjiż.
“Permezz ta’ din l-inizjattiva qed inħeġġu lill-edukaturi biex jestendu t-tagħlim lil hinn mill-ambjent tradizzjonali tal-klassi, inizjattiva li għandha l-għan li ttejjeb l-iżvilupp akkademiku u personali tal-istudenti waqt li tippromwovi esperjenzi kreattivi u prattiċi. Din it-trasformazzjoni hija ċentrali għall-futur tal-edukazzjoni f’Malta, u hija parti mill-ħidma tagħna biex nibnu sistema li mhux biss hija akkademikament soda, imma wkoll li tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-istudent għall-issa u anki għall-futur,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Il-Ministru Grima kien qiegħed iżur l-iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli fejn ta dettalji dwar l-inizjattiva, filwaqt li tkellem dwarha mal-Prinċipal tal-Kulleġġ Josephine Mifsud, mal-Kap tal-Iskola Christopher Buttigieg, l-edukaturi kif ukoll mal-istudenti, li fl-aħħar mill-aħħar se jgawdu minn din l-inizjattiva.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, b’investiment ta’ ftit inqas minn nofs miljun, l-iskejjel primarji u sekondarji qed jintalbu jissottomettu proġetti li permezz tagħhom spazju fuq ġewwa jew barra tal-iskola jiġi utilizzat propju għal tagħlim fis-suġġetti msemmija. Il-Ministeru wara se jiġġudika l-proġetti sottomessi u kull proġett magħżul jingħata finanzjament sa’ €6,000 biex ikun jista’ jitwettaq. B’hekk huwa maħsub li b’din l-inizjattiva se jsiru madwar 80 proġett imxerrda mal-iskejjel primarji u sekondarji madwar il-pajjiż.
Il-proġetti sottomessi jridu jkunu kreattivi u jipproponu modi innovattivi biex jintegraw it-tagħlim tal-kurrikulu ġewwa jew barra l-klassi. Qed ikunu mħeġġa proġetti li jinvolvu kollaborazzjoni bejn l-istudenti, l-edukaturi, il-ġenituri, jew il-komunitajiet lokali, biex b’hekk ikomplu jitqarrbu l-edukazzjoni u l-komunità ta’ kull belt jew raħal f’pajjiżna.
“Permezz ta’ din l-iskema, qed ninvestu f’proġetti li jagħtu ħajja lill-prinċipji ewlenin tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni, u niżguraw li l-istudenti tagħna jkunu mħejjija bil-ħiliet importanti ta’ ħsieb kritiku, kapaċitajiet li jsolvu problemi, u l-kreattività meħtieġa għas-suċċess tagħhom fil-futur u biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom,” temm jgħid il-Ministru Clifton Grima.