Ftehim bejn l-Aġenzija Sapport u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat se jżid il-kollaborazzjoni bejniethom fuq inizjattiva ġdida biex żgħażagħ b’diżabilità jkunu jistgħu jtejbu l-prospetti tal-karriera tagħhom permezz ta’ xogħol prattiku f’organizzazzjonijiet volontarji.
L-inizjattiva taqa’ taħt il-Youth Engage Scheme, li hija parti mill-Youth Volunteer Service tal-Kunsill. Din l-inizjattiva tgħin ukoll sabiex iż-żgħażagħ parteċipanti jkunu inklużi u integrati fis-soċjetà u toffrilhom opportunitajiet sabiex jitgħallmu ħiliet ġodda.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li din l-inizjattiva timxi mal-objettivi tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030.
Din l-istrateġija tisħaq fuq ħajja indipendenti fil-komunità u opportunitajiet ta’ xogħol u impjieg għall-persuni b’diżabilità.