L-Universitá ta’ Malta, flimkien mad-ditta tal-arkitettura AP Valletta u bl-appoġġ ta’ HSBC Malta Foundation, għadhom kemm nidew inizjattiva ġdida favur ir-reżiljenza urbana.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li jiġu sfruttati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ippjanar urban lokali.
Il-proġett, bl-isem ta’ “Nature-Based Solutions for Urban Resilience,” huwa mmexxi mill-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli.
L-għan primarju ta’ dan il-proġett hu li jimplimenta strateġiji bbażati fuq in-natura biex tissaħħaħ ir-reżiljenza urbana ta’ Malta kontra l-isfidi relatati mal-klima, inklużi l-għargħar u l-gżejjer tas-sħana urbana.
L-inizjattiva se tibda bi proġett pilota fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca tal-Ħamrun, u li jiffoka fuq is-sekwestru tal-karbonju u r-regolamentazzjoni tat-temperatura f’ambjenti urbani.
Wieħed mill-komponenti ewlenin tal-proġett huwa l-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod imfassla biex jiffaċilitaw ir-replikazzjoni ta’ dawn is-soluzzjonijiet fuq skala nazzjonali.
Wara li tiġi fit-tmiemha l-fażi tat-tfassil tal-proġett pilota, il-kollaborazzjoni ma’ Project Green se tkun qed tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji fil-kulleġġ, fejn se tkun qed issir valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt ambjentali u l-livell ta’ impenn fil-komunitá.