Sid il-qattusa li mietet allegatament b’qalbha miksura għaliex ġiet abbandunata ċaħdet kompletament li abbandunat lil qattusa Naya, jew kif kien irrappurtat qabel, Alice. Qalet li kontra qalbha u minħabba raġunijiet personali, kellha titlaq mid-dar fejn kienet tgħix fl-aħħar snin, u fil-post il-ġdid fejn marret, ma kienx possibbli li żżomm il-qattusa.
Sid Naya, il-qattusa li iktar kmieni din il-ġimgħa kisret qalb bosta qarreja ta’ dan is-sit, għamlet kuntatt ma’ one.com.mt biex tagħti l-verżjoni tagħha tal-istorja. Qalet li kien kontra qalbha u qalb il-familja tagħha li ħadu l-qattusa fis-santwarju tal-animali biex iżommuha għal xi żmien, “sakemm iċ-ċirkustanzi kienu jħalluna nerġgħu nieħdu lil Naya lura magħna”.
Spjegat li l-qattusa kienet ilha għand il-familja tagħha għal madwar tmien snin. Fl-aħħar tliet snin il-familja kienet qed tgħix f’dar mikrija, li eventwalment inbiegħet u kellhom isibu post ieħir fejn jgħixu.
“Għal raġunijiet personali kelli mmur ngħix fid-dar t’ommi u għalhekk kellna insibu xelter għall-qattusa, għax ommi ma setgħetx iżżommha f’darha”, qalet sid Naya.
“Ma stajtx nagħmel mod ieħor, qabel ma ħadta s-santwarju pruvajt min kollox biex forsi jżommuhieli xi ħbieb jew qraba, imma ma rnexxilix., u għalhekk mort inħabbat għall-għajnuna fis-santwarju. Dawn aċċettaw li jżommuha u ftehemt magħhom li kif ikolli d-dar tiegħi neħodha lura, u li jien u binti spiss inżuruha. Tajthom il-flus ukoll biex kull ma jkollha bżonn jagħmlulha, u offrejt li jekk ikollhom bżonn l-għajnuna mmur bil-qalb kollha”.
Sid Naya kompliet tispjega kif persuna qrib is-santwarju qaltilha li voluntiera ħaditha magħha d-dar għaliex il-qattusa ma kinitx qed tiekol, u bdeq ifittxulha dar. Stqarret, li saret taf li l-qattusa għamlet f’qalba mill-aħbar fuq one.com.mt.
“Kif l-għada rajt l-aħbar li Naya mietet, inħsadna u tbikkimna, imma l-aktar li tbikkimna kien minħabba l-kummenti ta’ ċertu nies li suppost tant iħobbu l-annimali, iżda lilna sahanistra qalulna biex ninħarqu fl-infern.
Nispera li wara li spjegajt is-sitwazzjoni taghna, u li mhux vera Naya kienet abbandunata, dawn il-nies li urew ħdura kbira għalina, għax iħobbu ħafna l-annimali, ikkollhom id-diċenza li jiskużaw ruħhom u juru li barra li jħobbu l-annimali, għandhom rispett ukoll lejn in-nies bħalhom.”