‘Inħoss il-bżonn li nkompli ngħaddi l-kuraġġ f’dak kollu li nagħmel. Qatt taqta’ qalbek, fejn hemm ir-rieda wieħed isib it-triq’. Kliem is-Surġent Simon Schembri, sena wara l-inċident li kważi swielu ħajtu.
Kien proprju sena ilu, it-Tlieta 15 ta’ Mejju 2018, fejn dik li kellha tkun ġurnata normali tax-xogħol għas-Surġent Schembri, dak iż-żmien kuntistabbli, nbidlet f’ġurnata li qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq. Dakinhar is-Surġent Schembri kien waqqaf karozza suspettuża, iżda ġara li x-xufier allegatament ma obdiex l-ordnijiet, u minflok allegatament saq fuq Schembri u kaxkru għal madwar 400 metru.
Is-suspettat, Liam Debono ta’ 17-il sena, kien ġie arrestat ftit tal-ħin wara mill-istess żona. Hu kien tressaq il-qorti l-għada mixli b’għadd ta’ akkużi. Hu ngħata l-ħelsien mill-arrest ftit tax-xhur wara, filwaqt li l-kumpilazzjoni tax-xhieda qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.
F’messaġġ fuq is-sit soċjali facebook, il-Korp tal-Pulizija qal li llum qed jiċċelebra miraklu ħaj, ġurnata li se tibqa’ fil-memorja ta’ kull uffiċjal tal-Pulizija.
Intant, matul l-aħħar sena s-Surġent Schembri flimkien ma’ diversi uffiċjali oħra, kien kruċjali sabiex waqqaf ‘Simon Schembri Blue Light Foundation’. Din il-fondazzjoni għandha l-għan li fost oħrajn tqajjem kuxjenza u rispett lejn il-Forzi Dixxiplinati kollha.