B’reazzjoni għal statistika ppubblikata mill-Eurostat li wriet li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad, il-Prim Ministru Joseph Muscat esprima s-sodisfazzjon tiegħu u qal li pajjiżna sar l-aqwa pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad u iktar importanti minn hekk, bl-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa kollha.
“Issa jibda kapitlu iktar diffiċli – irridu nżommu l-ewwel post u nżommu ma’ ta’ quddiem nett. Se tkun diffiċli iżda aħna se nkunu qegħdin hemm naħdmu biex naraw l-ekonomija tkompli għaddejja, li naraw iżjed investiment, li nieħdu d-deċiżjonijiet u li ma nkunux parti mill-elite. Li nisfidaw l-ideat li ilhom hawnhekk għal ħafna żmien u bl-ideat ġodda li qegħdin nagħmlu – qed jirnexxielna nsibu tant xogħol għal tant nies. Irridu ntejbu l-kwalità tax-xogħol u niġġieldu l-faqar u nkomplu nkabbru l-ekonomija biex noffru s-servizzi soċjali iżda llum jistħoqqilna li lkoll flimkien bħala pajjiż inkunu ferħanin li aħna l-aqwa fl-Ewropa.”