Din hi Gail Colombo, żagħżugħa ta’ 18-il sena mill-Isla li tħobb timmudella u tiżfen.
Ma’ Gail iltqajna proprju fil-jum li d-dinja tfakkar il-persuni bid-Down Syndrome. Il-ġurnata li tiċċelebra l-abbiltajiet tagħhom. Il-jum li jfakkar kif żgħażagħ u nies oħrajn, bħal Gail, jgħixu ħajjithom fis-soċjetà b’mod normali.
Gail għandha ħajjitha ferm attiva, għandha ħafna ħbieb, toħroġ magħhom b’mod normali, qed tagħmel kors fil-Kulleġġ Malti għall-Arti u x-Xjenza, l-MCAST, u wkoll taħdem partajm fi stabbiliment tal-ħwejjeġ.
Kif juru r-ritratt u l-filmati, il-passatemp ewlieni tagħha hu l-immudellar u, xħin staqsejniha għaliex tħobb tagħmel dan, hi ħatfitna fil-kelma u qaltilna li għax tiltaqa’ ma’ ħafna nies u tħobb tagħmel il-make-up u tilbes il-ġojjellerija.
“Inħobb nimmudella ħafna, nilbes il-ġojjellerija u nagħmel il-make-up.”
Gail Colombo
Mhux l-ewwel darba jew tnejn li Gail ikkompettiet fi sfilati tal-moda, fosthom anke ma’ Gaffiero Productions, fejn fl-aħħar kompetizzjoni, Miss Valentines, iż-żagħżugħ ġiet fit-tieni post, meta kienet qed tirrappreżenta lil beltha, l-Isla.
Staqsenijha wkoll x’inhi l-aktar ħaġa għażiża għaliha, b’Gail tgħidilna li tħobb ħafna lill-familja, partikolarment lil oħtha Martina, li tqisha bħala l-akbar ħabiba tagħha.
“Il-familja tiegħi nħobbha ħafna, għax jagħtuni ħafna sapport. Oħti ħabiba kbira tiegħi u ommi u hekk.”
Gail Colombo
Il-qalb twajba ta’ Gail dehret ukoll meta qaltilna li hi tħobb tgħin ħafna lin-nies.
“Inħobb ħafna ngħin lin-nies u lill-familja.”
Gail Colombo
F’dan il-jum, li ilu jitfakkar mill-Ġnus Magħquda sa mill-2012, ikunu eluf kbar ta’ nies li fuq il-midja soċjali jaqsmu ritratti ma’ persuni bid-Down Syndrome, li lkoll jitkellmu dwar il-kapaċitajiet tagħhom.
Illum ukoll ikun hemm min jilbes kalzetti differenti u kkuluriti.