Raġel ta’ erbgħin sena mill-Qrendi inħeles mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li prova jidħol f’karozza li mhux tiegħu meta kien xurban. Huwa kien akkużat ukoll li nhar it-tnejn ta’ Ġunju rreżista l-arrest u ma kkoperax mal-Pulizija.
Il-Qorti semgħet kif Paul Spiteri kien qed jiddeverti ma’ sħabu f’Tal-Pietà u prova jiftaħ karozza li ma kinitx tiegħu meta kien xurban. Malli waslu fuq il-post il-Pulizija, l-akkużat ħebb għalihom u kkawżal ġrieħi ħfief fuq wieħed mill-Uffiċjali. Fil-Qorti Spiteri ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u nħeles mill-arrest abbażi ta’ garanzija personali ta’ elfejn ewro u ordni li jiffirma l-Għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa.