Redeemer Debono ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar inħeles mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li allegatament hedded jew dejjaq lill-eks sieħba tiegħu.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marseann Farrugia ħareġ kif għalkemm ir-relazzjoni bejn l-akkużat u l-eks tfajla tiegħu ntemmet madwar erba’ xhur ilu, fis-sigħat li għaddew ir-raġel allegatament beda jdejjaqha peremezz ta’ messaġġi ta’ theddid.
Il-prosekuzzjoni spjegat li l-eks sieħba bblukjati minn kull aċċess ta’ komunikazzjoni, iżda l-akkużat allegatament baqa’ jibagħat messaġġi fuq il-mobile ta’ binthom li tgħix ma’ ommha – bl-Ispettur jgħid li l-mara u bintha żammew ir-recordings tagħhom.
L-avukat tal-għajnuna legali, Charmaine Cherrett, spjegat li l-kwistjonijiet bejniethom ilhom għaddejjin, hekk kif it-tfajla allagatment darba minnhom saqet fuqu bil-karozza.
Debono li huwa ħaddiem f’Mount Carmel ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma fl-għassa tlett darbiet fil-ġimgħa u li ma jagħmilx kuntatt mal-eks tfajla tiegħu. Il-Qorti kkonfermat li xorta waħda baqalu aċċess għal bintu.