Raġel li kien akkużat b’pussess tad-droga inħeles mill-akkużi fil-konfront tiegħu wara li fil-qorti xehed kif hu ried jieħu l-ħtija tal-każ flok ħuħ.
Russell Buhagiar ta’ sitta u tlettin sena kien akkuzat li fil-pussess tiegħu nstabet d-droga kokaina li ma kinitx għal użu personali tiegħu u kannabis. Il-pulizija kellha suspett f’ ħuħ, Andre Buhagiar.
Għaldaqstant, fl-Lulju tal-2008 kien sar raid fid-dar tal-familja. Fil-kamra tal-banju nstabet id-droga u affarijiet oħra relatati. Il-mandat ta’ arrest kien fil-konfront ta’ Andre Buhagiar.
Iżda siegħat wara li sar ir-raid, Russell Buhagiar mar għand il-pulizija u qal li d-droga u l-oġġetti l-oħra kienu tiegħu. Iżda fix-xhieda tiegħu fil-qorti Russell Buhagiar qal li huwa iffabrika l-istorja sabiex jeħel hu flok ħuħ.
Xehed ukoll ħuħ Andre Buhagiar li qal d-droga u affarijiet relatati kienu tiegħu. Qal li ħuħ m’għandu xejn x’jaqsam. Għaldaqstant il-qorti ħelset lill-akkużat minn kull akkużi.