Inħeġġukom sabiex tkomplu din il-mixja spalla ma’ spalla magħna.
Dan kien il-messaġġ ewlieni fid-diskorsi li għamlu id-Deputat Prim Ministru Ian Borg u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba quddiem folla kbira ta’ nies waqt l-attività politika tal-ewwel ta’ Mejju fil-Belt Valletta.
Iż-żewġ diskorsi kienu kkaraterizzati minn messaġġ wieħed, ta’ Partit Laburista fil-Gvern li mhux se jieqaf jinvesti, fin-negozji, fil-ħaddiema, fil-pensjonanti, fil-familji, fiż-żgħażagħ, fost l-oħrajn. Partit fil-Gvern li lanqas se jieqaf iwettaq ir-riformi favur kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg tenna kif il-Partit Laburista huwa l-veru partit li jemmen fin-nies u li jismagħhom.
“Din hija d-direzzjoni li rridu, din hija d-direzzjoni li dejjem għażel il-poplu Malti. Din hija d-direzzjoni li fuqha ħdimna bħala Gvern f’dawn l-aħħar 12-il sena, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministri Joseph Muscat u Robert Abela. Gvern bil-prinċipji sodi u l-grinta tal-Partit Laburista.”
IAN BORG
Dr. Borg tenna wkoll dwar dak li għad irridu niksbu, dak li għad irridu nirbħu, fiż-żmien li ġej.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej u Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba semma l-ħemel ta’ miżuri li wettaq Gvern Laburista fl-aħħar snin, fosthom dawk favur il-ħaddiema kollha.
“Għalhekk illum niġu hawn quddiemkom b’ wiċċna minn quddiem nistaqsukom jekk tridux aktar… u jekk verament tridu aktar inħeġġiġkom sabiex tkomplu timxu din il-mixja spalla ma’ spalla magħna. Spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru tagħna Robert Abela illi wera bil-fatti illi dejjem ħabb il-kawża tal-klassi tal-ħaddiema.”
ALEX AGIUS SALIBA
Iż-żewġ Deputati Mexxejja anke nnutaw in-nuqqas ta’ kredibbilità tal-Partit Nazzjonalista u kif dawn moħħhom biss biex jattakkaw lil kul min huwa Laburista.
Madanakollu huma temmew id-diskorsi tagħhom b’messaġġ pożittiv li Bix-Xogħol, il-Ġid lil Maltin.