L-Erbgħa, 19 ta’ Frar 2020, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u l-Agenda Kids Club nedew il-kanzunetta ‘Mikiel u l-lmportanza tal-Qari’ waqt attività tal-Ambaxxaturi tal-Qari fl-iskola primarja ta’ Ħad-Dingli tal-Kulleġġ San Nikola. Din il-kanzunetta ferrieħa, kantata minn Jessika Muscat u Avner Vella, b’mużika ta’ Chan Vella u lirika ta’ Alexia Vella Schembri, tħeġġeġ lit-tfal iqisu l-kotba bħala ħbieb. Mikiel huwa l-maskot li jippromwovi l-qari waqt il-programm tal-Ambaxxaturi tal-Qari.
Waqt it-tnedija, l-Ambaxxaturi tal-Qari Jessika Muscat, Rowen Muscat u Gilbert Agius qraw lill-istudenti tal-ewwel, it-tieni u r-raba’ sena u wara ħadu sehem f’forum mal-istudenti tal-iskola kollha. L-attività ġiet fi tmiemha bil-kanzunetta kantata minn Jessika, akkumpanjata mill-istudent Avner Vella, kif ukoll minn Mikiel innifsu. Waqt it-tnedija ntwera wkoll filmat liriku li sar minn Amii Camilleri u Dorian Fenech, biex it-tfal ikunu jistgħu jsegwu l-lirika u jkantaw mal-kanzunetta.
Din il-kanzunetta hija sinteżi tal-għan aħħari tal-programm tal-Ambaxxaturi tal-Qari, li jħeġġeġ iktar tfal jaqraw u jħarsu lejn il-qari bħala esperjenza pożittiva u li toffri ħafna gost.
Min jixtieq jisma’ din il-kanzunetta għandu jżur l-istazzjon tal-YouTube ‘L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu’.