Il-membri parlamentari tar-Renju Unit approvaw l-abozz dwar Brexit fl-istadju tat-tieni qari iżda ma aċċettawx dan jiġi skrutinizzat fi tlett ijiem biss.
F’reazzjoni l-Prim Ministru Boris Johson laqa’ dik li sejjaħ bħala l-approvazzjoni tal-House of Commons għal ftehim tiegħu dwar Brexit li laħaq il-ġimgħa li għaddiet mal-Unjoni Ewropea.
Iżda, fid-dawl tan-nuqqas ta’ appoġġ dwar l-iskrutinju tal-abbozz dwar Brexit u t-talba għall-estensjoni li għamel kontra qalbu s-Sibt li għadda, Johnson qal li se jissospendi l-proċess biex dan l-abbozz ikun approvat mill-Parlament sakemm l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar it-talba ta’ estensjoni ta’ Brexit.
L-abbozz kien ippubblikat tard bil-lejl u kien diskuss tul is-sessjoni Parlamentari tal-lum.
Il-Prim Ministru Boris Johnson baqa’ sal-aħħar jipprova jħeġġeġ lill-Membri Parlamentari jappoġġjaw dan l-aħħar abbozz biex ir-Renju Unit ikun jista’ jitlaq mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru kif pjanat u l-pajjiż ikun jista’ jimxi ‘l quddiem.
Ritratt: Reuters