Bil mod il-mod ilkoll irridu nerġgħu ngħixu ħajjitna. Għalkemm teknikament Malta qatt ma kienet f’lockdown totali, il-fatt li lkoll ħarisna lin-nies vulnerabbli u ingħalqu l-iskejjel u l istabbilimenti, bosta nies irrikorrew li jibqgħu d-dar. Issa wasal ż-żmien li nibdew inħarsu ‘l quddiem. Mhux għall-interess ekonomiku biss, iżda aktar importanti għas saħħa mentali u personali tagħna u ta’ qrabatna.
Żgur li se jkun hemm il-bżonn li naddattaw għal stil ta’ hajja u miżuri ġodda, iżda dan m’għandux jaqtalna qalbna milli nħarsu b’mod pożittiv għall-futur. Ir-rota ta’ ħajjitna trid iddur. Mar-rota ta’ ħajjitna, irridu li ddur ukoll ir-rota ekonomika.
Ma nistgħux ningħalqu f’bużżieqa. Id-dinja trid tirpilja u issa se tkun ġirja waħda biex kwalunkwe pajjiż jerġa joħroġ iktar b’saħħtu minn wara din il-pandemija. Kull pajjiż bir-ritmu tiegħu, iżda l-ebda pajjiż ma jista jibqa’ wieqaf. Pajjiżna jrid jerġa jaqbad ritmu ekonomiku b’saħħtu, fejn l-intrapriżi kienu qed jiffjoruxxi, il-qagħad kien jinsab fl-inqas livelli u l-familji kienu qed jimxu ‘l quddiem. Ovvjament, hemm ukoll l-element fejn il-Gvern, bir-ruħ socjali, irid jgħin lill dawk l-individwi jew familji li ntlaqtu b’mod negattiv mill-impatt tal-progress.
Inħoss li l-Gvern Malti għandu sfida quddiemu li hija fuq l-istess livelli, jekk mhux ikbar, minn dik li sab fl-2013. Primarjament jien naraha sfida fuq żewġ binarji. Binarju li jerġa jqajjem dak li jissejjaħ
‘consumer confidence’ – il-kunfidenza u kuraġġ li l-konsumatur jonfoq il-flus tiegħu fl-istabbilimenti lokali b’mod diversifikat, u l-binarju l-ieħor li l-imprenditur jinvesti fin-negozju tiegħu u jkabbar/jimpjega aktar nies miegħu. Iż-żewġ binarji jimxu id f’id, fejn waħda ma tistax timxi mingħajr l-oħra ġħal raġunijiet ovvji – jekk il-konsumatur ma jixtrix mingħand tal-ħanut, il-ħanut ma jkollux il-bżonn, jew flus, biex ikabbar l-operat. Jekk tal-ħanut ma jkabbarx l-operat, ma jkunx hawn postijiet ġodda t’impjieg u allura jiżdied il-qagħad, u l-konsumatur ma jkollux flus li jista jonfoq. Ċirku li huwa important ġħal kulħadd.
Lura fl-2013 rajna li l-Gvern mexa fuq mudell ekonomiku fejn ried jgħatina lura ‘spending power’ biex bil-mod il-mod inqajjmu ekonomija lokali li kienet staġnat. Ilkoll nafu li dak il-mudell ħadem bis-sħiħ, u dan ħoloq ambjent ta’ konsum li kien b’saħħtu u attira diversi investimenti. Issa, flimkien mal-importanza li jissalvagwardja l-impjiegi, il-Gvern irid jerġa jdaħħal kunfidenza fil-konsum u jerġa jċaqlaq ir-rota ekonomika.
Minn naħa l-oħra, fattur favur il-Gvern Malti meta kkumparat mal-2013 huwa li jinsab f’qagħda finanzjarja aħjar u allura jista jgħati sostenn aħjar lin-negozji. Madanakollu, n-negozji iridu jerfgħu l-biċċa tagħhom ukoll. Ilkoll irridu inkunu aktar responsabbli jekk irridu noħorġu aktar b’saħħitna minn Pajjiżi kompetituri tagħna.
Inħares ‘l quddiem għall-miżuri u inċentivi li se jkun qed iħabbar il-Gvern bħala parti mill-pjan biex pajjizna jerġa jaqbad ritmu ta’ tkabbir, għall-ġid ta’ kulħadd.