L-Awtorità tal-Ippjanar qed tippubblika proposta ta’ linji gwida tad-disinn li se jidderieġu kif jiġu evalwati l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ kremazzjoni waħedhom.
Dan sar fi sforz biex jiġi evitat li jkun hemm pressjoni għall-estensjonijiet taċ-ċimiterji eżistenti mal-medda taż-żmien.
Erba’ snin ilu, il-Parlament approva l-liġi mressqa mill-Gvern bil-għan li, għall-ewwel darba f’pajjiżna, il-proċess ta’ kremazzjoni jsir legalizzat u regolat permezz ta’ liġi li tirrispetta l-għażla personali tal-bniedem.
Il-Perit Joseph Scalpello, mill-Awtorità tal-Ippjanar, qal lil One News li r-reviżjoni tal-politika tispeċifika li krematorju li ma jkunx se jifforma parti minn ċimiterju eżistenti jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk ikun barra miż-żona tal-iżvilupp iżda sa 1.5 km mill-konfini taż-Żona Urbana Prinċipali għal Malta.
Huwa qal, “Il-linji gwida dwar il-post tal-krematorji jistabbilixxu li jekk se jsiru f’Malta, iridu jinżammu f’żona li tkun 1.5km ‘l-bogħod minn żona urbana. Ovvjament, dan biex ma jkunx hemm tifrix ta’ dan l-iżvilupp u huma dejjem viċin il-popolazzjoni. L-istess prinċipju japplika għal Għawdex. F’Għawdex qed ngħidu li l-aħjar post għandu jkun ir-Rabat jew ix-Xewkija”.
Il-krematorji mhux se jkunu permessi f’siti skedati. Kull wieħed għandu jkollu żona fuq quddiem maħsuba għall-parking, bini għaċ-ċerimonji fuq ġewwa, u spazju ta’ barra maħsub għat-tifrix tal-irmied. Il-bini dedikat għaċ-ċerimonja ma jistax ikun ta’ aktar minn 500 metru kwadru, u għandu jinkludi mortwarju, kamra tal-wiri, kamra tal-kremazzjoni, u faċilitajiet oħra relatati.
B’mod ġenerali, id-disinn għandu joħloq struttura ta’ profil baxx iżda attraenti, bi profil li jkun jaqbel mal-post u l-inħawi tiegħu.
Krematorji elettroniċi huma preferuti, u l-krematorji għandhom ikunu mgħammra bl-aqwa sistemi disponibbli ta’ teknoloġija ta’ filtrazzjoni u tnaqqis ta’ tniġġis.
F’każ ta’ waqfien tal-użu bħala krematorju, il-bidla tal-użu għal użu ieħor tal-art hija strettament ipprojbita sakemm ma tkunx tinvolvi r-riabilitazzjoni tas-sit għall-istat naturali tiegħu.
Ir-reviżjoni tal-poltika tista’ titniżżel mill-website tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Id-deputat direttur tal-Awtorità tal-Ippjanar qal li l-Awtorità qed tistieden individwi u organizzazzjonijiet biex jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom relatati ma’ din ir-reviżjoni.
Il-Perit Scalpello spjega x’se tkun il-ħidma tal-Awtorità wara li jagħlqu s-sottomissjonijiet fl-aħħar ta’ Marzu.
Tenna, “Wara Marzu, imbagħad, aħna nieħdu into account is-submissions li nkun rċevejna. Jekk ikun hemm bżonn ta’ xi update tal-policy dan isir biex inkunu nistgħu nagħmlu rakkomandazzjoni lill-Ministru biex japprova, u kif japprova hu mbagħad tidħol fis-seħħ. Ladarba tkun daħlet fis-seħħ il-policy nistennew l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-krematorju.”
Il-politika ta’ reviżjoni proposta tista’ titniżżel mis-sit eletroniku tal-Awtorità tal-Ippjanar: www.pa.org.mt/consultation.
Ritratt: Poetic Endings Ltd