Il-Ministru Carmelo Abela rrimarka li qed iħares lejn l-integrazzjoni tal-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli fil-proċess tal-preparazzjoni tal-baġit tal-Gvern li jmiss. Din għandha l-għan li tara li, kemm dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-Parlament, kif ukoll il-pubbliku inġenerali, jadottaw il-mentalità tal-impatt potenzjali li d-deċiżjonijiet u l-għażliet jista’ jkollhom fuq l-ambitu ambjentali, soċjali u ekonomiku. Il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli, qal dan waqt li kien qed jindirizza sessjoni ta’ taħriġ speċjalizzat dwar kif il-miżuri tal-baġit annwali tal-gvern jistgħu jkunu marbuta mal-Għanijiet tal-Żvilupp Sostenibbli, li ġew ipprovduti lill-uffiċjali tas-servizz pubbliku mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD).
Il-Ministru Abela qal li bħala parti mir-responsabbiltà mogħtija lilu sabiex jassigura li l-iżvilupp sostenibbli jkun issimplifikat mal-gvern kollu, il-Gvern se jkun qed jimxi fuq proċess li jara li l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Magħquda 2030 tiġi tradotta fil-proċess tal-baġit nazzjonali, il-proċess li jistabbilixxi l-għanijiet u prijoritajiet annwali tal-Gvern.
Huwa enfasizza l-importanza li l-gvern qed jagħti għat-twettiq tal-impenji tiegħu lejn l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-ħidma tiegħu. Fi kliem il-Ministru, “l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli fl-oqsma kollha tal-politika tal-baġit, li jvarjaw mill-ambjent u l-klima għat-trasport, l-edukazzjoni, l-impjieg, is-servizzi soċjali u s-saħħa, kif ukoll il-finanzi u t-tkabbir ekonomiku, twassal għal approċċ infurmat u koerenti fit-tfassil tal-politika, li jkun wieħed sostenibbli għal ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.”
Kif spjega l-Ministru, dan se joħloq baġit nazzjonali koerenti li jevita kunflitti bejn allokazzjonijiet ta’ riżorsi differenti, u jassigura li l-baġits nazzjonali ta’ Malta huma konformi mal-impenji internazzjonali. Għalhekk, kif żied jgħid il-Ministru Abela, “l-integrazzjoni tal-SDGs fil-proċess baġitarju isaħħaħ id-dibattitu politiku nazzjonali, u żżid ukoll ir-responsabbiltà.”
Dwar il-kors ta’ taħriġ speċjalizzat ipprovdut lil rappreżentanti mill-ministeri kollha, dwar kif il-miżuri tal-baġit jistgħu jiġu marbuta mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Ministru Abela rrimarka li dan iservi bħala pjattaforma biex tavvanza t-tagħlim bejn il-partijiet kollha u toffri opportunità għal skambju tal-aħjar prattiki dwar ir-rappurtar u l-moniteraġġ tal-baġit fost uffiċjali għolja li jaħdmu fil-livelli kollha tal-Gvern.
Huwa rringrazzja lill-OECD għal dan it-taħriġ u lill-Kummissjoni Ewropea għall-iffinanzjar ta’ dan il-proġett permezz tal-Fond ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali. Huwa kkonkluda billi qal li, lil hinn minn dan il-kors ta’ taħriġ, il-ministeru tiegħu diġà beda jaħdem fuq diversi inizjattivi, fosthom li qed jiltaqa’ ma’ partijiet terzi, inkluż is-settur tan-negozju u għaqdiet non-governattivi, li huma ħerqana biex jippromwovu u jintegraw l-iżvilupp sostenibbli fl-operazzjonijiet tagħhom.