Faqqgħet bomba.
Hekk kien deskritt id-dulur li Patricia, omm iċ-ċkejken Matthew, ilha ġġorr għal kważi sentejn minn meta rċeviet l-aħbar li binha kellu l-Leukemia.
Omm Matthew irrakkontat kif ftit xhur wara li kienet welldet it-tieni wild tagħha, żaret pedjatra fejn hemmhekk spjegatlu li Matthew kien qed jidher pallidu.
Minkejja l-vitamini li ngħata, din il-problema baqgħet tippersisti.
Patricia qaltilna, “Darba minnhom kien hemm weekend u ħriġna nimxu ftit u jekk forsi għamilna 100m beda jaqta’ nifsu u s-soltu lanqas joqgħod bilqiegħda mbagħad jaqta’ nifsu? U dik il-ġimgħa stess ħadtu għand il-paediatrician erġajt u qalli aħjar tieħdu l-isptar u nieħdu ftit demm, naraw x’qed jiġri’, u dħalna u żammewna għax id-demm mill-ewwel ma kienx sew u filgħaxija faqqgħet il-bomba. 27th August kien.”
Din id-dijanjożi waslet fi żmien ta’ restrizzjonijiet minħabba l-bidu tal-pandemija f’pajjiżna. Salib li kellha ġġorru waħedha.
Hi stqarret, “Kont waħdi dakinhar għax minħabba l-Covid, ir-raġel ma setax jiġi miegħi. Ħa taqa’ d-dinja fuqek. Illum qatt ma tistenna li jiġri xi ħaġa lil uliedek.”
Matul dan il-vjaġġ, Matthew iltaqa’ mal-Konsulent tant maħbub, Victor Calvagna. Patricia ddeskriviet lil Calvagna bħala l-fulkru ta’ kollox u fil-fatt iċ-ċkejken għadu jsemmieh sal-ġurnata tal-lum.
Omm Matthew rrakkontat, “L-għada kien ġie Dr Calvagna u reġa’ spjegalna kollox u Dr Calvagna mbagħad staqsejtu kif ħa ngħidlu għax ovvjament irid ikun jaf u Dr Calvagna qallu illi għandu ħafna soldiers f’żaqqu naqra naughty u minn hemmhekk stajna nibnu fuqha.”
Patricia għamlet diversi ġimgħat ma’ binha l-isptar u kellha tħalli warajha lil bintha ta’ ftit xhur mingħajr il-possibilità li taraha minħabba l-pandemija.
Hi qalet, “Tlaqt baby tat-twelid kważi warajk. Dan mhux bħal tgħid mort id-dar siegħa rajtha daqsxejn, xejn. Erba’ ġimgħat straight xejn u mhux dawk l-erba’ ġimgħat biss għax imbagħad ħriġna u wara erbat ijiem erġajna dħalna, għamilna ġimgħa oħra. Il-ħin kollu sejrin hekk. Immorru għad-demm, jitlagħlu d-deni u nibqgħu hemm imbagħad f’Jannar erġajna għamilna seba’ ġimgħat straight. Nerġa’ ma narax it-tifla seba’ ġimgħat oħra. Mhux faċli.”
Omm Matthew qaltilna li l-futur ma tistax tippjana għalih minħabba l-intoppi li jistgħu jinqalgħu iżda tħares ’il quddiem xorta waħda.
Patricia stqarret, “Jien għalija Matthew huwa tifel normali plus il-Leukemia. Inħares ’il quddiem u nittama li tiġi dik il-ġurnata li nispiċċaw it-trattament ħalli jkun Matthew biss mhux Matthew plus il-Leukemia.”
Staqsejna lil Patricia x’fissret għaliha d-daqqa t’id mogħtija lilhom minn Puttinu Cares.
Hi saħqet, “Ħafna mħabba, m’hemm xejn iktar xi tgħid. Ħafna rigali lil Matthew biex iżommuh dejjem ferħan ħalli anki hu fl-istess ħin jippruvaw jinsew dak l-uġigħ u d-dwejjaq li jkollhom. Tant hu hekk illi t-tfal kollha tarahom deħlin ferħanin fis-sala u jibku għax ikunu se jitilqu.” Fil-Ġimgħa l-Kbira, Puttinu Cares ser ikun qed itella’ maratona ta’ ġbir ta’ fondi biex ikun jista’ jsostni u jkompli jgħin lil tfal bħaċ-ċkejken Matthew.