Bla tlaqlieq, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ddikjarat li ma taqbel assolutament xejn mal-verdett tal-Qorti Ewropea. Iżda, l-FKNK saħqet li bl-ebda mod tali sentenza m’hi qed tneħħi d-dritt ta’ Malta li tapplika deroga korretta fil-futur biex jibqa’ jkun permess l-insib tal-għasafar tal-għana.
LKNK rreferiet għas-sentenza tal-Qorti Ewropea dwar in-namra soċjo-kulturali tal-Insib tal-Għasafar tal-Għana li sabet li Malta naqset li timxi ma ċerti obbligi tad-Deroga tad-Direttiva tal-‘Għasafar’ għas-snin 2014 u 2015.
Għaldaqstant, l-FKNK f’dan l-istadju ser tinsisti mal-Gvern Malti sabiex jibda minnufih jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea n-nuqqasijiet li ġie allegat mill-Qorti Ewropea fl-applikazzjoni tad-deroga ta’ Malta sabiex meta Malta terġa’ tapplika d-deroga f’Ottubru, tkun konformi mar-rekwiżiti tal-istess Kummissjoni u tad-Direttiva. B’hekk jistgħu jiġu evitati kawżi, spejjes u ħela ta’ ħin għal kulħadd.
Jekk ma’ jsirx hekk, jidher li Malta mhux qegħda fl-istess Unjoni Ewropea ta’ pajjiżi oħrajn.
L-FKNK spjegat li qed tgħid dan kollu mingħajr preġudizzju għal kull azzjoni oħra li tista’ tieħu sabiex tissalvagwardja l-insib tal-għasafar tal-għana anki fi ħdan ir-rispett tad-diversità tal-kulturi li tant hija importanti għall-identità ta’ kull pajjiż Membru Stat fl-Unjoni Ewropea.